“Robert Abela u l-Gvern Laburista baqgħu jimpikaw ma’ qalb Isabelle Bonnici. Ivvutaw biex ikomplu jaħbu l-verità kollha.”
Dan saħqu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’kumment ma’ Net News quddiem il-Parlament wara li l-Gvern ivvota kontra Inkjesta Pubblika filwaqt li l-membri kollha tal-Oppożizzjoni ivvutaw favur l-Inkjesta Pubblika.
Bernard Grech qal li l-Gvern immexxi minn Robert Abela ivvutaw biex ikomplu jaħbu l-verità kollha dwar wassal għat-traġedja li ħasdet il-ħajja ta’ Jean Paul Sofia filwaqt li saqsa lil min qed jipproteġu. Huwa qal li l-Membri Parlamentari Laburisti m’urew l-ebda qalb u kompassjoni għall-familja li tinsab b’qalbha maqsuma dwar it-telfa ta’ dan iż-żagħżugħ.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil Isabelle Bonnici għall-ħidma kontinwa tagħha fejn qal li l-ġlieda tagħha se tkompli sabiex issir ġustizzja totali. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jagħti appoġġ lil Isabelle flimkien mal-NGOs kollha li urew appoġġ lil Isabelle.
Bernard Grech saħaq li se jkompli jiġġieled sakemm toħroġ il-verità kollha. Huwa aċċenna li b’dan il-vot il-Gvern ta’ Robert Abela naqqsu ma’ Jean Paul Sofia, ma’ Miriam Pace u ma dawk kollha li tilfu ħajjithom f’siti ta’ kostruzzjoni.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella għal għaqda nazzjonali favur is-sewwa minkejja li Robert Abela ma jridx jaf. Hawnhekk Bernard Grech saħaq li kull min irid is-sewwa għandu jsemma’ leħnu.
//= $special ?>