Ir-rakkomandazzjoni tal-gvern lill-President tar-Repubblika biex jirrifjuta t-talba ta’ Yorgen Fenech biex il-maħfra ta’ Melvin Theuma tiġi rtirata fissret li l-kap tal-istat kien qed jingħadlu biex jinjora l-kundizzjonijiet imposti fil-maħfra li kien ta, sostnew l-avukati ta’ Fenech fi protest ġudizzjarju li huma ressqu fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili.
Il-protest ġudizzjarju sar kontra l-Kabinett tal-Ministri, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija. Fenech qed jistenna li jgħaddi ġuri wara li qed jiġi akkużat b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Theuma, il-middleman li ammetta li kellu x’jaqsam mal-qtil tal-ġurnalista ngħata maħfra bi tpattija għal informazzjoni f’Novembru 2019.
Il-Gvern ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jirrakkomanda rifjut tat-talba ta’ Yorgen Fenech nhar it-Tlieta, u qal li l-Ministri ddiskutew il-kwistjoni wara li talbu parir mingħand l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.
Fil-protest ġudizzjarju tagħhom, l-avukati ta’ Fenech osservaw li kemm l-AĠ kif ukoll il-Kummissarju kienu prosekuturi fi proċeduri kontra Fenech u dan kien ifisser li kellhom kull interess li jiżguraw li l-maħfra mogħtija lil Theuma ma tiġix irtirata u li din kienet meqjusa bħala suġġetta għal xi kundizzjoni.
Huma osservaw li l-prosekuzzjoni fil-każ tal-job fantażma fejn Fenech u eks uffiċjali pubbliċi qed jiffaċċjaw akkużi li taw impjieg lil Theuma minkejja li dan qatt ma riedu u qatt ma mar għax-xogħol u kien jitħallas xorta waħda – kienet iddikjarat li Theuma kien kopert bil-maħfra u kellu jixhed.
Madankollu f’żewġ okkażjonijiet, fis-7 ta’ Ottubru, 2022 u fil-25 ta’ Mejju, 2023, Theuma kien mar lura fuq kundizzjoni vitali tal-maħfra tiegħu billi rrifjuta li jixhed. Yorgen Fenech qed iwieġeb mhux ħati ta’ serq u misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi f’dawk il-proċeduri flimkien mal-eks chief of staff f’Kastilja, Keith Schembri u tliet eks uffiċjali tal-gvern allegatament involuti fl-għoti tax-xogħol lil Theuma.
L-avukati qalu li l-maħfra mogħtija lil Theuma fil-25 ta’ Novembru 2019, kienet suġġetta għal diversi kundizzjonijiet, fosthom primarji li kellu jixhed fi kwalunkwe proċedura marbuta mal-qtil, kull meta jintalab jagħmel dan.
Ir-rifjut jew in-nuqqas li jixhed kellu jirriżulta fl-irtirar tal-maħfra jew li tiġi kkunsidrata bħallikieku qatt ma ngħatat. Dak id-dokument uffiċjali tkellem b’mod ċar u għalhekk, ir-rifjut ta’ Theuma li jixhed fil-każ tal-job fantażma kiser b’mod ċar dawk it-termini, sostnew l-avukati ta’ Fenech.
Kien għalhekk li, rrimarkaw, fl-14 ta’ Ġunju kienu kitbu lill-President George Vella, u ġabu dan il-fatt għall-għarfien tiegħu u talbu l-irtirar tal-maħfra fid-dawl ta’ dak il-“ksur irreversibbli” tal-kundizzjonijiet. Il-maħfra kopriet l-involviment ta’ Theuma fil-qtil ta’ Caruana Galizia, reati marbuta ma’ mħatri illegali u ħasil ta’ flus, kif ukoll tliet hold-ups vjolenti, jiġifieri dawk fil-fergħa tal-HSBC Balzan f’Novembru 2007, il-Casino’ Di Venezia fi Frar 2010 u l-kwartieri tal-HSBC ta’ Ħal Qormi f’Ġunju 2010.
Il-protest itemm jgħid li r-rifjut tiegħu li jixhed kien ksur manifest ta’ dak l-obbligu filwaqt li rriservaw id-dritt li jfittxu aktar rimedji. Il-protest ġie ffirmat mill-avukati Charles Mercieca, Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri.