Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal żewġ partitarji ta’ Maccabi Haifa wara li tefgħu flares fil-grawnd

(Ritratt: Joseph Galea)

Żewġ partitarji żgħażagħ tat-tim Iżraeljan Maccabi Haifa ġew ikkundannati 12-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin kull wieħed wara li ammettew quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia li nhar it-Tlieta – tefgħu flares f’partita tal-futbol fil-kompetizzjoni taċ-Champions League.

Huma ġew immultati wkoll €300 kull wieħed, li multa trid titħallas sa għada (il-Ħamis) filgħodu u ġew ordnati wkoll li għal sena sħiħa ma jidħlux fi grawnds sportivi. Saleh Jawarnis ta’ 26 sena u Shachar Dekel ta’ 23 sena li ġew Malta biex jassistu għall-partita fil-grawnd Ċentinarju kontra Ħamrun Spartans.

Huma ammettew li sparaw xogħol tan-nar mingħajr liċenzja tal-pulizija u li ħadu sehem f’ġemgħa ta’ 10 min-nies jew aktar bl-iskop li jagħmlu reat, u dan mingħajr ma kienu mxewwxa minn ħadd. Jawarnis u Deckel ammettew ukoll li volnotarjament għamlu ħsara jew għarrqu ħwejjeġ ħaddieħor fil-grawnd Ċentinarju, liema ħsara ma tiskorrix l-€2,500 , iżda hija ta’ aktar minn €250, għad-dannu tal-Malta Football Association (MFA), entitajiet u persuni oħra.

Akkużi oħra li wkoll ammettew għalihom kienu li heddew lil persuni b’oġġetti u li waddbuhom fi grawnd tal-futbol waqt attività sportiva, u dan meta kienu deħlin u ħerġin mill-grawnd, b’mod li jista’ jinkiser l-ordni pubblika, u li ġabu ruħhom b’mod abbużiv.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-ispetturi Kathleen Zerafa u Matthew Attard li qalet li xi persuni li kienu xogħol fil-grawnd għarfu lill-akkużati u dawn mill-ewwel ġew arrestati. Il-partita bdiet fit-8 pm. bir-referee sfurzat iwaqqafha darbtejn.

L-ordni ġiet restawrata ftit wara l-ewwel inċident iżda s-sitwazzjoni ddeġenerat fl-ewwel 10 minuti tat-tieni taqsima meta partitarji ta’ Maccabi xegħlu murtali għat-tieni darba, li wasslu għal konfużjoni u stmerrija mill-partitarji ta’ Ħamrun Spartans bilqiegħda ftit metri ‘l bogħod.

Fi stqarrija l-pulizija qalet li fittxet lil kull min kien dieħel fl-istadium. Xi partitarji ta’ Maccabi Haifa instabu li kienu qed iġorru murtali, “anki viċin il-partijiet intimi tagħhom”, fejn wieħed minnhom kellu murtali moħbija fil-qalziet ta’ taħt.

‘Minkejja l-isforzi kollha li saru xi wħud xorta rnexxielhom jieħdu murtali fil-grawnd u l-inċidenti ġraw meta xi partitarji ta’ Maccabi Haifa xegħlu u tefgħu l-murtali, qalet il-pulizija, li sostniet li ħadet ukoll azzjoni immedjata biex tevita aktar problemi.

Ħadd ma weġġa’ u l-partitarji fl-ebda ħin ma avviċinaw lil xulxin, qalet il-pulizija. Ingħad ukoll li waqt l-inċidenti, sitt partitarji Iżraeljani tneħħew mill-grawnd. Għall-akkużati deher l-Avukat Joseph Bonnici.