Lokali

Żewġ Iżraeljani arrestati wara l-użu ta’ flares waqt il-partita bejn Ħamrun Spartans u Maccabi Haifa

Żewġ Iżraeljani ġew arrestati wara l-inċidenti li seħħew it-Tlieta filgħaxija waqt il-partita bejn Ħamrun Spartans u Maccabi Haifa tal-Iżrael.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li wettqet tfittixijiet fuq kull persuna li kienet dieħla fl-istadium. Fuq xi partitarji ta’ Macabi Haifa instabu xi materjal pirotekniku (flares), anke fejn il-partijiet intimi tagħhom.

Minkejja l-isforzi kollha li saru xi wħud xorta rnexxielhom idaħħlu xi flares fl-istadium.

L-inċidenti relatati seħħew meta xi partitarji ta’ Maccabi Haifa xegħlu u tefgħu xi flares. Il-Pulizija ħadu kontroll tas-sitwazzjoni u ġew evitati aktar inċidenti. Fil-fatt l-ebda persuna ma sofra ġrieħi, u fl-ebda ħin is-supporters ma avviċinaw lejn xulxin.

Waqt dawn l-inċidenti, sitt persuni Iżraeljani nħarġu mill-ground, u b’riżultat tal-investigazzjonijiet li saru, tnejn minn dawn il-persuni nżammu taħt arrest b’rabta mal-użu ta’ flares. Dawn mistennija jiġu mressqa l-Qorti fis-sigħat li ġejjin.