Lokali

AĠĠORNATA: Żewġt irġiel iweġġgħu f’argument li seħħ Marsaskala

Żewġ irġiel sofrew ġrieħi gravi wara li kienu involuti f’inċident li seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija f’residenza fi Triq is-Sikka, Marsaskala.

Minn investigazzjoni preliminari rriżulta li kien seħħ argument bejn żewġ Taljani wieħed ta’ 52 u l-ieħor 37 sena, u żewġ persuni oħra li ħarbu minn fuq il-post. Waqt dan l-argument, allegatament, intużat arma li taqta’ u bil-ponta.

Iż-żewġt irġiel Taljani ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar kura, fejn aktar tard ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech li ħatret inkjesta filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet.

Intant, investigazzjonijiet intensivi wasslu sabiex il-Pulizija fi ftit sigħat tarresta liż-żewġt irġiel li ħarbu mill-post wara li seħħ l-argument. Wieħed mill-irġiel ġie arrestat matul il-lejl li għadda fil-Mosta, filwaqt li t-tieni persuna ġie arrestat l-Erbgħa waranofsinhar f’San Ġwann.