Sport Sport Ieħor

Blackball: Philip Gatt ikkonfermat President tal-Malta Blackball Federation

Il-Federazzjoni Maltija tal-Blackball organizzat il-Laqgħa Ġenerali Annwali tagħha fejn ġew diskussi bosta temi ta’ importanza kif ukoll ġie elett il-kumitat għat-terminu li jmiss.

Il-President Philip Gatt ġie kkonfermat fil-kariga, l-istess bħalma ngħataw il-fiduċja Robert Attard bħala teżorier, Michel Curmi bħala ufficjal għar-relazzjonijiet pubblici u Teemor Mifsud bħala membru.

Adrian Camilleri ngħata rwol ġdid ta’ Segretarju Ġenerali b’Edmund Curmi li ngħaqad bħala membru ġdid tal-kumitat. Meta ndirizza l-Laqgħa Ġenerali, Philip Gatt irringrazzja lill-klabbs tal-fiduċja li wrew fih filwaqt li ħabbar investiment ta’ €16,000 fi tmien imwejjed li se jkunu qed jibbenefikaw bihom it-timijiet hekk kif se jiġi mislufa sabiex ikunu nstallati fil-klabbs tagħhom.

Gatt ħabbar ukoll li ġie ffirmat ftehim sabiex il-Malta Blackball Federation tkun r-rappreżentant tal-imwejjed uffiċjali Blackball Tables filwaqt li ġie diskuss aktar fid-dettall il-Kampjonat tal-Ewropa li se jkun qed jintlagħab f’Malta f’ Novembru ta’ din is-sena.