Lokali Qorti

Il-ġurati jintwerew filmat tal-interogazzjoni tal-akkużat fuq l-omiċidju

Hekk kif il-ġuri ta’ Michael Emmanuel ta’ 33 sena mill-Kosta tal-Avorju daħal fir-raba’ jum tiegħu fejn fost oħrajn qed jiġi akkużat bil-qtil tas-sieħba tiegħu Maria Lourdes Agius ta’ 35 sena, il-ġurati bdew jiġu murija filmat tal-interrogazzjoni li saret lill-akkużat wara li ġie konstatat li l-vittma kienet mietet fgata fil-15 ta’ Settembru tal-2018.

Fost il-punti li ħarġu waqt l-interogazzjoni meta mistoqsi jekk kienx sawwatha hu ammetta li kien sawwat lilha u lil ommha. Huwa ċaħad iżda li għall-ħabta tas-2:00 a.m. kien hemm argument bejniethom u ċaħad ukoll li qal lil ommha li Lourdes kienet telqet mid-dar.

Mill-investigazzjoni rriżulta li bejn is-2:00 a.m. sas-7:00 a.m. il-vittma kienet baqgħet fl-istess pożizzjoni. Fost il-mistoqsijiet li saru lill Emmanuel kien hemm li Huwa l-vittma ma setgħet qatt tifga lilha nnifsiha. Huwa ma ċaħadx li kien fil-kamra imma baqa’ jgħid li ma kienx hu li fgaha.

Huwa beda jwaħħal f’ommha u tenna li ma kienx fil-kamra. L-interrogatur kien qallu wkoll li jum qabel mietet, Marie Lourdes tant kienet imsawwta li ma setgħetx tomgħod il-pizza għax kellha ħalqha mbiċċer.

Waqt l-interogazzjoni qal ukoll lill-Pulizija li l-vittma kienet għadha ħajja sas-2am. u baqa’ jgħid li ma kienx hu li sawwatha. Ċaħad ukoll bil-qawwa kollha li kien hu li qatilha. Meta staqsewh għaliex mar id-dar minkejja li l-pulizija qalulu biex ma jersaqx lejn id-dar wara x-xebgħa li kien taha, huwa kien wieġeb li mar biex iġib l-affarijiet personali mid-dar.

Kien qal ukoll lill-Pulizija li t-tbenġil u d-daqqiet li kellha seħħew għax waqgħet it-taraġ. Irriżulta wkoll li fiż-żewġ stqarrijiet li ta lill-pulizija sigħat wara l-omiċidju, huwa ma semma’ qatt il-kurċifiss. Fit-tieni stqarrija li tahom, kien qal li mbotta lil Marie Lourdes u anke għamel xi tip ta’ referenza wkoll għal konverżazzjoni li kellha ma’ bintha.

Emmanuel qed jiġi akkużat b’seba’ Kapi ta’ Akkuża li jinkludu wkoll li jumejn qabel qatel lil Agius wettaq atti ta’ vjolenza domestika fuqha u fuq ommha u li kien fil-pusses ta’ dokumenti foloz. Jinsab mixli wkoll li fil-jiem ta’ qabel il-qtil ikkaġuna ġrieħi gravi kemm lill-vittma kif ukoll lil ommha li kienet tgħix fl-istess appartament magħhom.

Akkużi oħra li qed jiffaċċja Emmanuel huma li m’obdiex ordnijiet leġittimi tal-awtorità u li kien f’pussess ta’ karta tal-identità u liċenzja tas-sewqan Griegi, li t-tnejn kienu foloz. Għal Emmanuel qed jidher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Simon Micallef Stafrace filwaqt li l-Avukati Maria Francesca Spiteri u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Avukat Ġenerali. L-Avukati Lara Dimitrijevic u Stephanie Caruana qed jidhru għal parte civile, f’dan il-każ omm u ħu l-vittma.