Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: It-tkeċċija ta’ Ġeneral tiżvela l-ġlied u konfużjoni fi ħdan l-Armata Russa

Id-disfatti militari li r-Russja sofriet fl-aħħar ġimgħat u xhur jidhru li żiedu bil-kbir id-diżgwid diġà profond bejn l-ogħla mexxejja tal-Armata tal-Kremlin. Dan ukoll wara li l-President Russu Vladimir Putin innifsu wettaq theżżiża kbira fit-Tmexxija militari ta’ pajjiżu, fost it-tkeċċija ta’ diversi uffiċjali għoljin li llum huma akkużati dwar ‘tradiment’ u ‘inkompetenza’.

U n-nuqqas ta’ għaqda bejn il-membri tal-ogħla ġerarkija militari kompla jispikka wara li Ġeneral Russu ewlieni li kien qed iservi fl-Ukrajna qal li s-superjuri tiegħu ‘ħadulu r-riedni minn idejh’ ladarba qalilhom il-verità dwar is-sitwazzjoni ddisprata tas-suldati Russi fuq il-front tal-battalja.

Il-Ġeneral inkwistjoni jimsu Ivan Popov u sa ftit ilu hu kien qed jikkmanda lit-58 Armata tar-Russja li qed tiġġieled kontra l-Ukreni fir-reġjun ta’ Zaporizhzhia.

U issa, Popov – permezz ta’ voice message — żvela li kien avviċina lill-ogħla kapijiet militari u lmenta magħhom dwar l-ammonti ‘terribbli’ ta’ suldati Russi li qed jinqatlu fil-ġlied mal-Ukreni. Popov kellu anki kritika kbira għan-nuqqas ta’ appoġġ mit-taqsimiet tal-artillerija li suppost qed jiddefendu lis-suldati Russi mill-attakki tal-għadu.

Il-Ġeneral stqarr li ‘kellu l-għażla li jibqa’ b’fommu sieket bħal kodard jew jiżvela l-verità lill-uffiċjali li ma jridux jisimgħu bir-realtà tas-sitwazzjoni’.

Il-voice message ittella’ fuq Telegram u fejn il-Ġeneral jinstama’ jikkundanna lis-superjuri mal-Armata dwar in-nuqqas ta’ mezzi għal difiża kontra l-attakki bl-artillerija tal-Ukreni. Ilment ieħor kien dwar in-nuqqas ta’ network għal servizzi sigrieti li seta’ iwassal informazzjoni siewja dwar l-iżviluppi fuq il-fronti tal-gwerra.

Intant, il-Ġeneral Popov qed jgħid li hu spiċċa mkeċċi wara pressjoni minn ‘ċerti kmandanti li ħassewhom skomdi bil-preżenza tiegħu’ u li hu, issa, qed jakkużahom dwar tradiment.

Jidher ukoll li l-Ministru tad-Difiża Russu Sergei Shoigu —  li spiċċa mira għar-rabja ta’ Putin minħabba l-fallimenti militari fl-Ukrajna – kien ukoll strumentali fit-tkeċċija tal-Ġeneral Popov.

Hemm anki spekulazzjoni li Popov tkeċċa fuq l-inizjattiva tal-Ġeneral Valery Gerasimov, il-Kap Ewlieni tal-qawwiet armati tar-Russi. Dan wara li Gerasimov akkuża lill-Ġeneral Popov b’li qajjem l-allarm bla bżonn fi ħdan l-Armata u li hu ‘kien qed jirrikatta lill-ogħla mexxejja militari għall-iskopijiet tiegħu’.