Lokali

“Il-PN u l-poplu Malti se jibqa’ warajk Isabelle” – Bernard Grech

Appell qawwi biex kulħadd jingħaqad f’dik li l-Kap tal-PN sejħilha għaqda nazzjonali għas-sewwa u għall-ġustizzja. Dan wara li Robert Abela u sħabu baqgħu jinjoraw l-appelli tal-ġenituri ta’ Jean Paul Sofia għal Inkjesta Pubblika.

F’indirizz lin-nazzjon, il-Kap tal-PN Bernard Grech stqarr li lbieraħ kienet ġurnata sewda għal pajjiżna. U insista li b’dak li seħħ fil-Parlament, Robert Abela ivvota kontra ż-żgħir.

Il-Kap tal-PN qal li Robert Abela tilef l-awtorità morali. Iżda b’kuntrast, il-PN se jibqa’ favur iż-żgħir u favur dawk li huma bla vuċi.

“Il-ġlieda tkompli. U l-ebda sajf jew vaganzi mhu se jwaqqfuna”, stqarr il-Kap tal-PN.

Bernard Grech ilbieraħ semma’ b’mod ċar kif id-deputati ta’ Robert Abela ivvutaw biex ikomplu jaħbu l-verità kollha dwar wassal għat-traġedja li ħasdet il-ħajja ta’ Jean Paul Sofia filwaqt li saqsa lil min qed jipproteġu. Huwa qal li l-Membri Parlamentari Laburisti m’urew l-ebda qalb u kompassjoni għall-familja li tinsab b’qalbha maqsuma dwar it-telfa ta’ dan iż-żagħżugħ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lil Isabelle Bonnici għall-ħidma kontinwa tagħha fejn qal li l-ġlieda tagħha se tkompli sabiex issir ġustizzja totali. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jagħti appoġġ lil Isabelle flimkien mal-NGOs kollha li urew appoġġ lil Isabelle.

Bernard Grech saħaq li se jkompli jiġġieled sakemm toħroġ il-verità kollha. Huwa aċċenna li b’dan il-vot il-Gvern ta’ Robert Abela naqqsu ma’ Jean Paul Sofia, ma’ Miriam Pace u ma dawk kollha li tilfu ħajjithom f’siti ta’ kostruzzjoni.