Lokali Parlament

Jeħtieġ azzjoni urġenti dwar is-saħħa mentali

Ritratt: Martin Agius

Stephen Spiteri, PN

Id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri sostna fl-Aġġornament tal-parlament li jeħtieġ azzjoni urġenti dwar is-saħħa mentali

Stephen Spiteri tkellem dwar is-saħħa mentali u qal li l-parlament għandu jilleġiżla favur soċjetà b’saħħitha. Hu sostna fis-swali DBU fl-Isptar Monte Carmeli fejn hemm ħafna pazjenti relatati mad-droga propju minħabba li hawn soċjetà li għandha liġijiet li mhumiex isaħħuha iżda qed idgħajjfuha.

Id-deputat Nazzjonalista qal li fl-aħħar 10 snin, dan il-gvern għamel biss investiment f’erba’ swali jew inqas fl-Isptar Monte Carmeli. Dan meta l-pajjiż għandu bżonn sptar tas-saħħa mentali xieraq għax illum l-Isptar Monte Carmeli m’għadux tajjeb biex jilqa’ lil dawn il-pazjenti. Hu appella biex il-gvern jibda l-bini tal-isptar il-ġdid li kien imwiegħed u kompla li r-riżorsi fis-settur tas-saħħa mhumiex ilaħħqu mal-ħtiġijiet.

Il-pajjiż mhux jieħu ħsieb kif jixraq lis-saħħa mentali; din għandha tkun elevata, sostna d-deputat Nazzjonalista, li nsista li s-saħħa metali għandha tkun ikkunsidrata bħala settur speċjalizzat. Hemm nuqqasijiet u diskriminazzjoni fit-trattament bijoloġiku ta’ mediċini bejn dawk li jistgħu jixtru l-mediċini u dawk li ma jistgħux.

Id-deputat Nazzjonalista qal li mediċini fuq il-formolarju tal-gvern mhumiex tal-istess kwalità u sostna li s-saħħa mentali għandha tkun għal kulħadd l-istess fejn il-pajjiż jitrattaha bħala prijorità.

Hu appella biex fl-iskejjel ikun hemm l-edukazzjoni meħtieġa dwar is-saħħa mentali u sostna li l-Isptar Monte Carmeli llum sar insult għas-settur kollu u għal dawk li jaħdmu fih.