Futbol Sport

EURO 2023 U/19: L-Italja fil-finali kontra l-Portugall wara li għelbu lil Spanja f’partita pjaċevoli

(Ritratt: Josef Fitzpatrick)

SPANJA ……… 2

ITALJA ………. 3

Spanja: B. Iribarne, I. Fresneda, A. Valle, A. Casas, Y. Gasiorowski, Gonzalo (D. Rodriguez 57’), M. Angel (D. Jimenez 88’), V. Barbera’ (S. Omorodion 81’),  Akomach, D. Perez (A. Diao 57’), C. Palacios (E. Puyol 81’).

Italja: D. Mastrantonio, F. Missori, I. Regonesi, L. Dellavalle, A. Dellavalle, L. Hasa, P. Esposito (N. Turco 91’), S. Vignato (L. Koleosho 70’), M. Kayode, G. Faticanti (L. Lipani 70’), N. Pisilli (L. Amatucci 91’).

Referee: Yigal Frid (Iżrael)

Skorjaw: S. Vignato 52’, V. Barbera’ 58’, N. Pisilli 66’, Y. Gasiorowski 74’, L. Lipani 86’

Imwissija: N. Pisilli, L. Hasa, I. Fresneda, S. Vignato

L-Italja ssorprendiet u bl-aħjar wirja tagħha f’dan it-turnament għelbet lil Spanja 3-2 f’logħba mill-iktar spettakolari. Kontra l-favoriti Spanja, l-Italja taw l-aħjar prestazzjoni u kien jimmerithom is-suċċess u issa jerġgħu jiltaqgħu mal-Portugall fil-finali, wara li kienu dabbru ħamsa magħhom fil-logħba tal-grupp. 

L-Italja ssorprendiet fl-ewwel minuti fejn iddominat il-logħba bl-Ispanjoli jidhru f’diffikultà. Fl-ewwel kwarta kien il-goalkeeper Spanjol protagonista bi tliet saves mill-aqwa. L-ewwel salva daqqa ta’ ras ta’ Esposito wara biss żewġ minuti u ftit minuti wara minn kross ta’ Kayode reġa’ kien Esposito li bir-ras reġa’ mpenja lil Iribarne.

Fl-14-il minuta kien Lorenzo Dellavalle li fajjar xutt mid-distanza li kien salvat mill-goalkeeper Spanjol u ftit wara azzjoni tajba ta’ Kayode u xutt ftit għoli. Il-logħba saret xi ftit iktar bilanċjata iżda l-Italja baqgħet l-iktar perikoluża u fis-37 minuta Vignato kien imċaħħad minn Iribarne. Fl-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima xutt bid-dawra ta’ Faticanti mar ftit barra.

Reġgħu kienu t-Taljani bl-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima b’xutt imxelef ta’ Pisilli jmur ftit barra. L-Italja fetħu l-iskor fit-52 minuta meta xutt fil-baxx ta’ Vignato ma kienx miżmum mill-goalkeeper bil-ballun jispiċċa fix-xibka.

Risposta mmedjat minn Spanja b’xutt sabiħ ta’ Barbera’ u risposta mill-aqwa ta’ Mastrantonio. Il-goal tad-draw wasal ftit wara f-t-58 minuta meta Barbera’ b’xutt sabiħ bid-dawra sab ir-rokna ta’ fuq tax-xibka. 

Fit-63 minuta Taljani sfortunati meta xutt ta’ Pisilli stampa mal-mimduda iżda tliet minuti wara Pisilli kien ippremjat meta xeħet il-ballun fix-xibka wara li qabeż diversi avversarji. Iżda l-vantaġġ reġa’ ma damx wisq għaliex fit-73 minuta kien Gasiorowski li skorja mill-viċin.

L-emozzjonijiet ma waqfux u ħames minuti mit-tmiem Italja mill-ġdid fil-vantaġġ meta Lipani skorja b’daqqa ta’ ras minn azzjoni ta’ korner biex ta rebħa u passaġġ fil-finali lit-Taljani.

Vignato jiftaħ l-iskor għall-Italja (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Ritratti: Josef Fitzpatrick