Futbol Sport

Mhux se tkun faċli iżda m’aħniex qalbna maqtugħa – Darren Abdilla

(Ritratt: Gżira United)

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret l-Erbgħa filgħaxija, il-kowċ ta’ Gzira United, Darren Abdilla tkellem b’ton pożittiv lejliet l-ewwel partita minn tnejn li l-maroons se jilgħabu kontra Glentoran tal-Irlanda ta’ Fuq, mill-ewwel fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League.

Abdilla rrikonoxxa l-qawwa ta’ dan it-tim Brittaniku, fejn qal li “mhux se tkun faċli iżda m’aħnix qalbna maqtugħa.”

Abdilla rrefera għall-għażla ta’ plejers li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu bħala ‘skwadra ta’ plejers ġodda’ hekk kif matul din il-kampanja akkwisti fil-bidu tal-istaġun 2023/24, Gżira United ċedew numru ta’ plejers li kellhom rwol importanti fl-iskwadra, fosthom il-koppja offensiva fl-attakk, Jefferson u Maxuell Maia kif ukoll il-captain Niki Muscat.

Minkejja dan, Gżira United għamlu numru ta’ akkwisti ta’ plejers ġodda u bħala parti mill-preparazzjoni li l-iskwadra kellha qabel l-ewwel partita tal-UEFA Europa Conference League, il-maroons lagħbu ħames partiti ta’ ħbiberija.

Abdilla saħaq dwar l-importanza li r-riżultat tal-partita tal-lum kontra Glentoran għandu jkun wieħed, li jżomm lil Gżira United b’ċans li wara t-tieni leg minn dan l-istadju ta’ din il-kompetizzjoni, it-tim javvanza għat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League.

L-istaġun li għadda, Gżira United kellhom l-aħjar kampanja Ewropea fl-istorja tagħhom, meta fl-istess kompetizzjoni kienu avvanzaw sat-tielet rawnd ta’ kwalifikazzjoni, qabel kienu eliminati minn Wolfsberger AC tal-Awstrija.

Il-partita tal-lum bejn Gżira United u Glentoran se tintlagħab fis-7pm, fis-Centenary Stadium, f’Ta’Qali.