“Bħas-soltu rapurtaġġ li jqarraq. Kemm ibeżżakom il-każ ta’ ibni? għaliex? Għaliex m’intomx kapaċi tgħidu l-verità. Jekk ma tafuhiex, intervistawni ħa nispjega sew.”
Kien dan l-appell imqanqal li wasslet fuq il-media soċjali omm Jean Paul Sofia, illi kitbet taħt l-istorja ippubblikata online mill-media Laburista wara l-vot tal-bieraħ – rappurtaġġ li ma jwassalx il-verità tal-fatti ta’ dak li verament seħħ fil-Parlament, bil-media ta’ Robert Abela taħbi li l-Prim Ministru ivvota kontra Inkjesta Pubblika.
Jien m’għandix la x’naħbi, kitbet Isabelle Bonnici, filwaqt li saqsiet “tafu tistħu tkomplu tidħku bil-poplu?”
“Jien la se nippermetti li ibni jintesa’ u lanqas li taqtawli qalbi QATT u QATT! Jien se nibqa’ niġġieled u ninsisti biex tohroġ il-verità kollha u biex issir riforma bil-fatti mhux bil-kliem.”
Isabelle Bonnici fakkret illi l-ebda deputat tal-Labour ma kien kapaci jħares ‘l fuq lejja wara l-vot.
“Kollha rashom ‘l isfel u l-Prim Ministru jilgħab bil-mobile. Ħafna minnhom dehru skomdi immens. Jien verament ninsab iddiżgustata li ġew pupazzi u mhux kapaċi jiddefendu dak li hu sewwa! Waħda minnhom sa ċapċpet x’ħin il-Kap tal-Oppozizjoni qal li nġabru kwazi 20,000 elf firma f’ħamest ijiem bil-petizzjoni li għamilt – imbaghad indunat u bdiet taparsi tfarfar”, kitbet Isabelle Bonnici.
Taħt l-artiklu tas-Super One ma nqasux ukoll il-baraxx ta’ kummenti minn naħa tan-nies, b’ħafna jfakkru li n-nies illum mhumiex boloh. Filwaqt li oħrajn qalulhom li b’dan ir-rappurtaġġ qed iqarrqu.