Lokali Qorti

€42,059 f’kumpens wara li suldat ta daqqa ta’ ras fuq wiċċ suldat ieħor

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Toni Abela ordnat biex suldat jagħti f’kumpens is-somma ta’ €42,059 lill-kollega tiegħu fuq il-post tax-xogħol wara li nżamm responsabbli għall-ġrieħi li kkaġunalu meta tah daqqa ta’ ras f’wiċċu.

Michael Zammit, ta’ 42 sena li dak iż-żmien kellu l-grad ta’ Bumbardier, fetaħ il-kawża għad danni kontra Tonio Micallef, is-superjur tiegħu fil-grad ta’ Staff Sergeant. L-inċident li kien seħħ fl-1 ta’ Awwissu tal-2017 f’Ħal Luqa meta nqala’ argument bejniethom waqt li kienu qed ineħħu xi armi mill-post b’Zammit jgħid li Micallef tah daqqa apposta, iżda Micallef qal li dan kien sempliċi nċident.

Il-Qorti kellha kliem iebes u ta’ kundanna minħabba l-fatt li f’korp dixxiplinat jinqala’ inċident li “jersaq ħafna lejn l-infantiliżmu ta’ adulti li sors tiegħu hija pika, jekk mhux ukoll insubordinazzjoni fuq il-post tax-xogħol”.

L-Imħallef Abela fis-sentenza tiegħu qal li ħafna għattew kemm felħu milli jispjegaw x’ġara anke jekk kienu preżenti waqt il-ħin tal-inċident u għalhekk kien iffaċċjat b’żewġ verżjonijiet kontra xulxin. Qal li jemmen il-verżjoni tal-vittma anke wara li ra l-inkjesta interna li saret fi ħdan l-Armata fejn din ikkonkludiet li Micallef ta daqqa ta’ ras lil Zammit.

L-Imħallef Abela nnota wkoll li Staff Sergeant li kien preżenti kien evażiv u li x-xhieda kważi kollha la riedu jfuħu u lanqas jintnu ma’ Micallef. Huwa żied li jaqbel ukoll mal-konklużjoni tal-inkjesta li kienet l-attitudni ta’ Zammit li wasslet biex Micallef qam u tah daqqa ta’ ras f’imnieħru.

L-Imħallef Abela qal li ma jistax jeskludi li Micallef kien imdejjaq bl-atteġament tal-kollega tiegħu, iżda għamilha ċara li dan il-fatt ma kellux iwassal għall-att li wettaq. Tenna li r-reazzjoni kienet sproporzjonata u l-kariga titlob minnu li jkun ta’ eżempju għal ħaddieħor għax kellu jżomm id-dixxiplina. Micallef spiċċa responsabbli għall-inċident, bil-kumpens jingħata wara li Zammit sofra diżabilità ta’ 8% u meta jinħadem dan jitlaq għal kumpens ta’ €42,059.