Lokali

ESKLUSSIVA: Robert Abela jaħrab bil-jott f’nofs kriżi

Filmati esklussivi miġbuda mill-cameras tagħna, il-Prim Ministru Robert Abela għażel li jħalli pajjiżna fuq il-jott tiegħu; minflok jindirizza l-kriżi kbira li qed jaffaċja hu u l-Gvern immexxi minnu.

B’Abela jiddeċiedi li jieħu ‘break’ ta’ mistriħ, jumejn biss wara li ivotta kontra l-Inkjesta Pubblika biex issir ġustizzja fil-każ ta’ Jean Paul Sofia. Tant li issa l-Prim Ministru ma ddejjaq xejn jaħrab bil-jott, u jħalli l-problemi warajh.

Kien ftit qabel is-2pm meta Abela deher ħiereġ mill-marina tal-Birgu. U kien hu stess li – b’dehra sajfija u rilassata – kien qed jimmanuvra l-jott; xena ma tantx jidher li niżlet tajjeb man-nies.

F’baraxx ta’ kummenti taħt il-filmat ippubblikat minn Net News fuq Facebook, ħafna persuni irrimarkaw illi filwaqt li Abela mar għall-break għandek omm li għadha qed tibki lil binha; omm li għadha qed tokrob biex tinfetaħ Inkjesta Pubblika.

Oħrajn irrimarkaw kif f’dan il-mument il-pajjiż jeħtieġ Prim Ministru li juri diċenza u umanità, mhux Prim Ministru li jigi jaqa u jqum minn familja mwegga, biex jghatti hmieg haddiehor.

Jidher illi hemm uħud fil-qalba taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista li jinsabu irrabjati għal Abela minħabba s-sempliċi fatt li lanqas kien kapaċi jieħu kontroll ta’ sitwazzjoni li ġabha b’idejh hu stess – anzi, kompla għarraq l-affarijiet meta eżatt wara l-vot għażel li jospita party fil-Girgenti.

Sabiex l-għada, fl-intervista mal-MaltaToday, spiċċa ammetta li kważi kważi kien żball illi mar.

Iżda wara tal-Girgenti – minn dak li Abela sejjaħ żball – issa donnu mhu jara xejn ħażin li ħarab minn Malta f’dan il-mument ta’ kriżi, bil-PM ta’ pajjiżna jispiċċa fuq il-jott igawdi s-sajf.