Lokali

Iffirmat ftehim għar-restawr ta’ erba’ pitturi

Il-fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, u l-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti ffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni, bil-għan li jħarsu l-wirt kulturali ta’ pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet futuri – kemm fil-Konkatidral u kif ukoll fil-Knisja tal-Ġiżwiti.

NetNews tkellem mal-Professur Monsinjur Emmanuel Agius, il-President tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral illi stqarr li l-Memorandum of Understanding se jkun qed jgħin biex il-fondazzjoni toffri l-għajnuna tagħha għar-restawr u l-konservazzjoni fuq tliet pitturi – f’waħda mill-kappelli tal-Knisja tal-Ġiżwiti.

Dan apparti r-restawr fuq il-pittura ta’ Mattia Preti, li turi l-Madonna tal-Qaddisin Karlu Borromeo u San Franġisk de Sales – restawr li se jkun mħallas kollu mill-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Il-professur Agius tenna li l-fondazzjoni tal-Konkatidral mhux se tkun qed tgħin lill-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti b’servizzi ta’ restawr biss… iżda anke f’aspetti oħra.

Apparti minn hekk, dan il-ftehim bejn iż-żewġ fondazzjonijiet, se jkun qed jiftaħ il-bibien u joffri opportunitajiet oħra fejn il-Konkatidral jgħin knejjes oħra mibnija mill-Ordni ta’ San Ġwann.

Preżenti għall dan il-ftehim kienu David Camilleri, il-President tal-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti kif ukoll is-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja tal-Isqof, Michael Pace Ross. Fejn it-tnejn qalu li permezz ta’ din l-għaqda uffiċjali, se tkun qed tiżdied l-aċċessibbiltà għall-wirt nazzjonali ta’ dawn il-knejjes storiċi.