Internazzjonali

Il-Greċja: Żjarat lejn l-Akropoli limitati minħabba s-sħana straordinarja

Is-sħana straordinarja li qed taħkem bħalissa fl-Ewropa wasslet biex l-awtoritajiet f’Ateni jagħlqu liċ-ċittadella antika tal-Akropoli matul is-sigħat fejn ix-xemx tkun l-aktar qawwija.

Dan seħħ bħala parti mill-miżuri tal-Greċja biex tilqa’ għall-effetti tal-heatwave li qed jaħkem tul il-kontinent — bit-turisti ma jistgħux jidħlu fl-artijiet tal-Akropoli bejn nofsinar u l-5 pm.

It-temperaturi f’Ateni huma stabbiliti mal-40 grad Celsius jew aktar, b’dan il-pajjiż u diversi pajjiżi lejn in-naħa t’isfel tal-Ewropa qed jistennew rekord ta’ sħana matul il-jiem li ġejjin.

L-awtoritajiet fil-Greċja qed jinkwetaw ukoll dwar il-potenzjal kbir ta’ nirien qalb foresta, speċjalment fiz-zoni magħrufin għall-irwiefen sħan li jinqalgħu f’dawn iż-żmenijiet tas-sena.

Il-mewġa tas-sħana  fl-Ewropa hi mlaqqma ‘Ċerberu’ u – minbarra l-Greċja — mistennija tilħaq l-eqqel tagħha f’pajjiżi bħall-Italja, Spanja, il-Portugall, il-Kroazja, Ċipru u anki Malta.