Lokali Qorti

Il-ġuri dwar il-qtil ta’ mara f’Raħal Ġdid riesaq lejn tmiemu – illum l-indirizz u t-Tnejn mistenni l-verdett

Il-ġuri ta’ raġel ta’ 33 sena mill-Kosta tal-Avorju li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja akkużat bil-qtil tal-eks sieħba tiegħu fil-kamra tas-sodda tagħha f’Raħal Ġdid riesaq lejn tmiemu. Il-Prosekuzzjoni nfurmat lill-Qorti li ma baqalhiex aktar xhieda xi tressaq filwaqt li d-difiża ddikjarat li hi m’għandha l-ebda xhud xi tressaq fuq il-każ,

Jidher li l-akkużat Michael Emmanuel kien interessat li jixhed fil-każ tiegħu imma għal xi raġuni bidel l-opinjoni tiegħu, dritt mogħti bil-liġi. Għaldaqstant l-Imħallef Aaron Bugeja beda l-indirizz tiegħu lill-ġurati biex jispjegalhom dwar x’inhuma l-aktar punti mportanti li għandhom jiflu f’dan il-ġuri b’mod imparzjali u dan biex ikunu mgħejjuna kif taħdem is-sistema fil-ġurijiet.

Ladarba l-evidenza kollha fil-każ tkun instemgħet, l-imħallef jirreferi għan-noti li saru matul il-proċess u jfakkar lill-ġurija fil-punti ewlenin tal-każ, filwaqt li jenfasizza s-saħħiet u d-dgħufijiet tal-argument ta’ kull naħa. L-imħallef imbagħad jagħti direzzjonijiet dwar id-dmirijiet tal-ġurija qabel ma jirtiraw fil-kamra tad-deliberazzjoni tal-ġurija biex jikkunsidraw il-verdett.

L-Imħallef ukoll jgħid lill-ġurati li l-fatt li l-akkużat ma jixhidx fil-proċess tiegħu huwa dritt li tagħtihulu l-liġi u dan il-fatt m’għandux ikun ta’ preġudizzju għalih. Wara li jtemm l-indirizz tiegħu matul il-jum -il ġurija skont il-programm li fasslet il-Qorti se terġa’ tiltaqa’ biex tiddelibera biex tasal għall-verdett finali.

Michael Emmanuel qed jiġi mixli li fega lil Maria Lourdes Agius (ritratt) ta’ 35 sena  fl-15 ta’ Settembru tal-2018. Il-vittma kienet tgħix ma’ ommha fi Triq F Tortell u kellha sebat itfal, fejn tnejn minnhom huma tal-akkużat.

Mill-awtopsja rriżulta li kien hemm marki f’għonq il-vittma u tbenġil fuq dahra. Xhieda importanti f’dan il-ġuri fost oħrajn kienu l-espert mediku tal-Qorti Dr. Mario Scerri li eżamina lil mara fuq il post fejn qal li kellha marki ta’ strangulazzjoni.

L-akkuża ta’ omiċidju volontarja hija l-aktar waħda gravi li f’każ ta’ ħtija twassal għall-massimu ta’ għomor il-ħabs. Emmanuel qed jiġi akkużat b’seba’ Kapi ta’ Akkuża li jinkludu li jumejn qabel qatel lil Agius wettaq atti ta’ vjolenza domestika fuqha u fuq ommha u li kien fil-pusses ta’ dokumenti foloz.

Qed jiġi mixli wkoll li fil-jiem ta’ qabel il-qtil ikkaġuna ġrieħi gravi kemm lill-vittma kif ukoll lil ommha li kienet tgħix fl-istess appartament magħhom. Akkużi oħra li qed jiffaċċja Emmanuel huma li m’obdiex ordnijiet leġittimi tal-awtorità u li kien f’pussess ta’ karta tal-identità u liċenzja tas-sewqan Griegi, li t-tnejn kienu foloz.

Minn dak li ħareġ waqt il-ġbir tal-provi sa issa l-akkużat kien qal lill-Pulizija meta kien mar jirrapporta hu stess fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid qal kien ipprova jqajjimha imma ma rrisponditx. Il-mara kienet instabet f’pożizzjoni naturali imma kienet kiesħa u diġa’ mejta. L-akkużat kien qal ukoll lill-Pulizija li ma kellux xi jgħid ma’ l-eks sieħba tiegħu.

Skont il-prosekuzzjoni Emmanuel wara kien bidel il-verżjoni u qal li l-vittma kienet talbitu biex joqtolha b’kurċifiss. Dr. Mario Scerri kien qal fix-xhieda tiegħu li ma kien hemm l-ebda marka relatata ma’ kurċifiss fuq ġisem il-vittma.

Għal Emmanuel qed jidher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Simon Micallef Stafrace filwaqt li l-Avukati Maria Francesca Spiteri u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni f’isem l-Avukat Ġenerali. L-Avukati Lara Dimitrijevic u Stephanie Caruana qed jidhru għal parte civile, f’dan il-każ omm u ħu l-vittma.