Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista kompla l-proċess li fih japprova l-kandidati għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, li se ssir is-sena d-dieħla.
Dan hekk kif ilbieraħ approva l-kandidatura ta’ Miriana Calleja Testaferrata de Noto, li b’hekk tingħaqad mal-MEPs Roberta Metsola u David Casa, u ma’ David Agius u Peter Agius, li kienu approvati bħala kandidati aktar kmieni din is-sena.
Miriana Calleja Testaferrata de Noto kisbet Baċellerat fl-Istudji Ewropej, filwaqt li llum hija gradwata f’Baċellerat fil-Liġi, bl-istudji tagħha jissoktaw b’Master għal avukat. Matul is-snin studenteski, Miriana Calleja Testaferrata de Noto okkupat diversi rwoli, fosthom President, Viċi-President u Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi fi ħdan il-European Studies Organisations – ESO. Hi serviet ukoll bħala Viċi-President fi ħdan il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista – MŻPN filwaqt li llum hija l-President tal-istess fergħa fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Matul l-istess laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv, il-Partit Nazzjonalista approva wkoll 16-il kandidat għall-elezzjoni tal-kunsill lokali.
//= $special ?>