Kunsilli Lokali Lokali

Imressqa mozzjoni fuq bżonn ta’ infurzar dwar każijiet ta’ ksur ta’ ordni u paċi pubblika fis-Siġġiewi

Matul l-aħħar ġimgħat ġie innutat li fiz-zoni rurali tas-Siġġiewi u dawk tal-madwar qed jinstema’ storbju eċċessiv ikkawżat minn mużika b’mod speċjali fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.

Fid-dawl ta’ dan, ġiet imressaq mozzjoni dwar bżonn ta’ infurzar f’każijiet ta’ ksur ta’ ordni u paċi pubblika fis-Siġġiewi. Permezz ta’ din il-mozzjoni se tkun qed issir seduta b’urġenza t-Tnejn li ġej fis-6pm.

Il-Minority Leader Julian Borg flimkien mal-Kunsillieri Nazzjonalisti Francine Farrugia u Gillian Farrugia Pace, saħqu li l-Kunsill Lokali għandu jitlob lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa jieħu azzjoni fuq rapporti li preżentament għandha l-Pulizija fir-rigward ta’ ksur ta’ ordni u paċi pubblika riżultat ta’ storbju eċċessiv fil-konfini tas-Siġġiewi u l-madwar.

Huma talbu biex il-Kunsill jitlob lill-Kummissarju sabiex tiżdied il-preżenza tal-Pulizija fil-konfini tas-Siġġiewi u l-madwar permezz ta’ rondi aktar frekwenti b’mod speċjali fis-sigħat ta’ matul il-lejl u kmieni filgħodu.

Il-Kunsillieri Nazzjonalisti talbu wkoll li għandu jsir appell lill-operaturi u s-sidien ta’ fondi rurali biex jieħdu azzjoni huma wkoll fl-interess tagħhom stess u tar-residenti.

Matul il-ġimgħa li għaddiet il-livell ta’ storbju kien elevat saħansitra li numru ta’ residenti Siġġiwin tkellmu kemm mal-Kunsillieri Nazzjonalisti kif ukoll fuq il-mezzi soċjali dwar dan l-inkonvenjent kbir.

Il-Kunsillieri enfasizzaw il-fatt li l-Kunsill Lokali m’għandux l-għodda f’idejh sabiex jagħmel infurzar dirett f’każijiet ta’ ksur ta’ ordni pubblika u huwa għalhekk li qed jitolbu sabiex tittieħed azzjoni immedjata minn dawk kollha responsabbli.