Internazzjonali

Ir-Russja: Aktar spekulazzjoni dwar il-Kap tal-Wagner ‘li jista’ ma jidhirx aktar fil-pubbliku’

Il-President Russu Vladimir Putin, qed juri biċ-ċar li ilu l-ġimgħat jippjana biex ipattiha lill-eks alleat, Yevgeny Prigozhin… Dan wara li l-Kap tal-ġellieda merċenarji mal-grupp Wagner wettaq il-kolp ta’ stat ta’ Ġunju li kważi wassal għall-kroll totali tat-Tmexxija f’Moska.

Waqt li l-paramilitari tal-Wagner kienu qed javvanzaw sal-periferiji ta’ Moska, Vladimir Putin kien ħarab mill-kapitali lejn ‘post aktar sikur’ u fejn dam ma jidher għal ġranet sħaħ. Intant, numru ta’ sorsi sigrieti qed jgħidu li l-President ħalef li jpattiha lil Prigozhin talli hu spiċċa juri element ta’ dgħjufija waqt l-akbar sfida interna fit-22 sena li ilu jmexxi lir-Russja.

Fil-fatt, Vladimir Putin issa qed jgħid li l-grupp tal-Wagner ‘ma jeżistix’ minkejja li l-grupp tal-merċenarji kien ilu x-xhur involut fil-gwerra tal-Ukrajna bħala ‘spalla’ tal-Armata regolari tar-Russja.

Sadanittant hemm tħassib kbir dwar id-destin ta’ Yevgeny Prigozhin, li skont ir-rapporti kien mar jgħix f’eżilju fil-Belarus dritt wara l-kolp ta’ stat. Dan meta Prigozhin ilu jiem sħaħ ma jidher fil-pubbliku u waqt rapporti oħra li xi persuni kienu rawh fil-belt ta’ San Pietruburgu, fir-Russja.

Is-sitwazzjoni tant hi konfuża li s-sorsi ma jeskludux li Prigozhin, li sa ftit ilu kien fost l-akbar alleati ta’ Putin, seta’ spiċċa maqtul inkella mitfugħ il-ħabs f’azzjoni li nżammet lill-media ta’ Moska.

Intant, minn jum għal jum anki qed tidher ovvja r-rabja ta’ Putin għall-kolp ta’ stat li kważi waqqgħu mill-poter.U proprju sigħat ilu, il-Mexxej Russu warrab għal kull funzjoni tal-Wagner waqt intervista lill-gazzetta Russa Kommersant.

Il-grupp Wagner – li ra azzjoni f’pajjiżi bħas-Sirja, il-Libja u r-Repubblika Afrikana Ċentrali – ilu żmien meqjus bħala l-Armata privata ta’ Putin innifsu. Madankollu, Putin, waqt l-intervista, tenna li ‘ma hemm l-ebda liġi fir-Russja dwar l-organizzazzjonijiet militari privati u li f’dan il-kuntest wieħed għandu jikkonkludi li (il-Wagner) sempliċiment ma jeżistix’.

Qed jingħad li Vladimir Putin kien ilu jistenna l-mument opportun biex jivvendika ruħu ma’ Prigozhin malli sama’ bl-aħbar li l-paramilitari tal-Wagner – wara li ħadu l-kontroll fil-belt ta’ Rostov-on-Don – kienu qed jimmarċjaw fuq Moska fit-23 ta’ Ġunju li għadda.

U waqt li Moska – u Putin – kienu qed jidhru l-aktar vulnerabbli, ir-rewwixta waqfet ħesrem wara li Yevgeny Prigozhin wasal għal ftehim mal-President Russu biex jikkonkludi l-azzjoni inkredibbli ta’ 36 siegħa…Azzjoni li fiha l-merċenarji tal-Wagner waslu sa ftit għexieren ta’ mili biss ‘il bogħod mill-kapitali.

Intant għad hemm element qawwi ta’ misteru dwar il-ftehim li ntlaħaq dakinar, kif ukoll dwar ‘iċ-ċirkustanzi’ madwar Prigozhin. Dan meta Robert Abrams, Ġeneral irtirat li kien jikkmanda lill-qawwiet Amerikani fil-Korea t’Isfel, jemmen bis-sħiħ li Prigozhin jew spiċċa assassinat inkella qed jinżamm iżolat f’gulag tar-Russja.

Fl-istess ħin Adams jemmen li Prigozhin mhu se jidher qatt aktar fil-pubbliku, bil-Kremlin qed jipprova jippromwovi t-teorija li  t-Tmexxija f’Moska ħarġet ‘aktar b’saħħitha’ mill-kolp ta’ stat ta’ Ġunju.