Il-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem u ddefenda d-dritt tal-libertà tal-espressjoni u għalhekk mill-ewwel iddikjara li se jkun favur l-abbozz ta’ liġi ntiż biex isaħħaħ il-libertà tal-espressjoni artistika.
Fi stqarrija maħruġa mid-deputat Julie Zahra, intqal illi l-libertà tal-espressjoni artistika m’għandiex tiġi limitata, maħnuqa jew mhedda u trid tiġi meqjusa proprju għal dak li hi; espressjoni ta’ artist u ma tista’ qatt tittieħed litteralement. Dan għaliex kull restrizzjoni fuq il-libertà artistika taffettwa lis-soċjetà b’mod sħiħ għaliex jiġi mminat il-pluraliżmu u l-forma ħajja tal-proċess demokratiku tagħha.
Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista ressaq emenda li ġiet aċċettata unanimament biex jagħmel dan l-abbozz ta’ liġi aktar inklussiv jingħata definizzjoni aktar wiesa’ u għalhekk tiġi estiża għal ‘espressjoni kulturali jew artistika ta’ kull xorta, inkluż dik satirika jew komika.
Għalhekk l-artist issa ser ikun protett biex ma jibżax. L-artist, se jkun imħares u mhux se jkollu xkiel li permezz tal-kreattività tiegħu jimbotta ċertu konfini li jdawru n-normi soċjali kif jeżistu llum, dan billi jkun evitat l-użu skorrett tas-sistema tal-ġustizzja kriminali li tista’ twassal biex tinħonoq din il-forma ta’ espressjoni.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista issa tittama li l-Gvern iressaq mingħajr dewmien il-mozzjoni tagħha biex il-Kostituzzjoni ta’ Malta tiddikjara f’Artikolu 8, li l-Istat għandu jġib ‘il quddiem l-iżvilupp tal-arti ukoll biex b’hekk l-Istat ikun qiegħed jagħti sinjal ċar lill-artist li qiegħed verament jingħata l-apprezzament u d-dinjità li jistħoqqlu.
//= $special ?>