Internazzjonali

L-Istati Uniti: Żvelata l-kawża tal-mewt ta’ Lisa Marie Presley

Lisa Marie Presley, l-unika tifla tal-kantant leġġendarju tar-rock ‘n’ roll Elvis Presley, kienet tilfet ħajjitha b’kaġun ta’ kumplikazzjonijiet fatali f’imsarinha. Dan kien żvelat għall-ewwel darba mill-uffiċċju tal-eżaminatur mediku ta’ Los Angeles, li kkonferma li l-problemi ta’ Lisa Marie Presley seħħew minn kirurġija li hi kienet għamlet snin qabel bil-għan li titlef mill-piż.

Lisa Marie Presley (ritratt), li wkoll kienet kantanta, mietet fl-età ta’ 54 sena, wara li kienet iddaħħlet b’urġenza fi sptar ta’ Kalifornja fit-12 ta’ Jannar li għadda.

L-aħħar dehra tagħha fil-pubbliku kienet seħħet jumejn biss qabel mewtha meta hi attendiet għall-avveniment prestiġjuż tal-Golden Globes.

Sigħat biss wara l-mewt ta’ Lisa Marie Presley, l-uffiċjali lokali kienu qalu li l-paramediċi li wieġbu għall-emerġenza fid-dar tal-kantanta, f’Calabasas, sabuha qed tbati minn attakk tal-qalb waqt li huma kienu qed jagħtuha l-ewwel għajnuna.

Intant, l-uffiċċju tal-eżaminatur mediku issa deċieda li t-tifla ta’ Elvis mietet minn kawżi naturali u li l-attakk tal-qalb kien ikkaġunat minn ‘ostruzzjoni fl-imsaren’ li probabbilment kienet relatata mal-imsemmi intervent kirurġiku.