“Se nkompli naħdem għal Malta aktar ġusta u postijiet tax-xogħol aktar siguri għall-Maltin fis-settur tal-kostruzzjoni. Ma rridx li ibni jkun miet għalxejn. U huwa għalhekk li nhar it-Tnejn li ġej inħeġġeġ lil kulħadd sabiex jingħaqad magħna quddiem Kastilja fit-8 pm sabiex inkomplu nsemmgħu leħinnha u tinħatar inkjesta pubblika biex tinkixef il-verita kollha.”
Dan huwa l-appell li qed tagħmel Isabelle Bonnici, omm Jean Paul Sofia, wara li l-Erbgħa li għadda d-deputati kollha tal-gvern preżenti fil-parlament – total ta’ 40 – ivvutaw kontra li ssir inkjesta pubblika.
Vot li ġab miegħu stmerrija kbira lejn il-gvern ta’ Abela; xi ħaġa li qatt ma ġrat fl-istorja tal-parlament. Din il-frustrazzjoni popolari kienet evidenti wkoll barra l-parlament, eżatt malli d-deputati Laburista ħarġu mill-Kamra tal-Rappreżentanti. Missier iż-żagħżugħ, John Sofia u qraba oħra, dehru irrabjati għall-mod kif aġixxew il-membri tal-gvern.
Filwaqt li rringrazzjat lil dawk kollha li tawha l-appoġġ tagħhom sa minn dakinhar li seħħ dak l-inċident traġiku tat-3 ta’ Diċembru li għadda, li fih tilef ħajtu binha, Isabelle Bonnici saħqet li qed titlob għal inkjesta pubblika biex toħroġ il-veritá kollha u biex issir investigazzjoni fuq l-iżbalji li hemm bħalissa fis-sistema li sfortunatament qed tħalli ħafna uġigħ. F’erba’ snin biss kien hemm total ta’ 29 mewt li seħħet f’sit ta’ kostruzzjoni. Hija żżid tgħid li wara dawn l-imwiet kollha, pajjiżna għadu ma tgħallem xejn u li ma jistax ikun li jkomplu jintilfu aktar ħajjiet.
Għall-vġili se jattendi wkoll il-Kap tal-PN Bernard Grech, bil-PN jibqa’ jagħti sostenn assolut għas-sejħa ta’ din il-familja biex issir inkjesta pubblika.
Intant, telgħu għal iktar minn 24,000 il-firem miġbura minn omm Jean Paul Sofia – petizzjoni li qed titlob lill-gvern ta’ Robert Abela biex ma jkomplix iwebbes rasu u jaħtar inkjesta pubblika.
S’issa ħadd għadu ma jaf għaliex l-Prim Ministru Robert Abela għadu qed jippersisti b’tant saħħa milli ssir inkjesta pubblika, lil min qed jipproteġi u min qed jorbotlu jdejh.
//= $special ?>