Sport Waterpolo

Sliema jirritornaw għar-rebħ u Valletta fir-raba’ post

Stewart Said

SLIEMA FRANK SALT……. 14

SIRENS…………………………….. 8

(3-2), (3-0), (6-1), (2-5)

Sliema Frank Salt irritornaw għar-rebħ f’konfront li fih qatt ma kienu f’periklu li ma jirbħux il-punti. Sirens reġgħu ddiżappuntaw b’nuqqas ta’ aggressività u dinamiċità fil-logħob tagħhom. Iż-żewġ timijiet kienu ġejjin minn telfa.

L-uniku darba li Sirens kienu minn fuq fil-logħba kien fl-ewwel sessjoni b’vantaġġ ta’ 2-1. Sliema dawru r-riżultat qabel tmiem is-sessjoni b’gowls ta’ Zach Mizzi u Andrija Prlainovic u żiedu tlieta oħra fit-tieni sessjoni għal vantaġġ ta’ 6-2.

Reazzjoni kienet mistennija minn Sirens fit-tielet sessjoni iżda Sliema ħarġu tajjeb u komplew ikabbru l-vantaġġ biex għalqu l-logħba bi tliet gowls konsekuttivi għal distakk ta’ 9-2.

Matyas Pasztor wieġeb għal Sirens iżda t-tim ta’ Dejan Savic kompla jkabbar il-vantaġġ bi tliet gowls oħra. Fl-aħħar sessjoni, Sirens irnexxielhom jirbħu s-sessjoni u għamlu l-iskor ftit rispettabbli, għalkemm xorta ma evitawx it-telfa.

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta, L. Galea (4), J. Gambin, Z. Mizzi (2), B. Cachia (2), J. Cutajar (2), M. Mifsud, J. Brownrigg, D. Kholod (1), A. Prlainovic (2), D. Zammit (1), A. Bugeja, E. Schembri

Sirens: T. Micallef, P. Serracino, K. Erdogan, P. Figlioli (3), J. Zerafa Gregory (1), G. Farrugia (1), M. Chircop, G. Melillo (1), M. Cutajar, M. Pasztor (2), M. Sciberras, M. Azzopardi, M. Bonello Dupuis, J. Cachia, G. Sammut

Referees: Massimo Angileri, Luca Bianco

MARSASKALA ESC…………….. 9

VALLETTA IZIBET…………….. 17

(2-4), (2-4), (2-4), (3-5)

It-tieni rebħa konsekuttiva għal Valletta Izibet li biha telgħu waħedhom fir-raba’ post. Logħba li fiha l-Beltin ma tawx ċans lil Marsaskala ESC biex jimponu l-logħba tagħhom, b’Ivan Nagaev protagonist assolut għall-Beltin.

Ir-Russu poġġa lil Valletta minn fuq sakemm Marsaskala dawru r-riżultat. Pronta kienet ir-risposta tal-Beltin li b’doppjetta ta’ Nagaev u gowl bejniethom ta’ Andrija Vlahovic tefgħu lil Valletta 4-2 minn fuq.

Fit-tieni sessjoni, ir-Russu skorja tripletta oħra għat-tim ta’ Joe Cremona u għen lil Valletta jikkonsolidaw il-vantaġġ hekk kif bdew it-tielet sessjoni 8-4. Marsaskala kienu kostretti biss li jnaqqsu d-distakk parzjalment.

Valletta għamlu ċert mir-rebħa fit-tielet sessjoni wara li kabbru d-distakk għal seba’ gowls b’żewġ gowls oħra ta’ Nagaev u gowl bejniethom taż-żagħżugħ Jayden Cassar.

Il-vantaġġ kiber għal 14-6 fl-aħħar sessjoni u minkejja li Ferenc Salamon skorja doppjetta għal Marsaskala, Valletta kellhom iċ-ċans biex ikabbru l-marġni tar-rebħa.

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (1), G. Galea, P. Privitera (1), R. Greco, F. Salamon (3), K. Navarro, J. Pace Mizzi, D. Pace Lupi, G. Sammut, J. Ciantar (3), M. Carani, A. Muscat, T. Sedlmayerm (1), F. Scardino

Valletta: B. Busuttil, J. Spiteri Staines, D. Rizzo, J. Cassar (2), S. Busuttil, A. Vlahovic (5), D. Paolella, I. Nagaev (10), S. Micallef, A. Agius, K. Borg, K. Cremona, A. Theuma, M. Demarco, J. Chircop

Referees: Andrea Zedda, Richard Magri

MARSAXLOKK BROWN’S…… 26

OTTERS NIVEA…………………….. 16

(6-3), (8-4), (5-4), (7-5)

Marsaxlokk ma sabux diffikultà biex għelbu lil Otters f’konfront li fih l-erba’ barranin li lagħbu fil-logħba, skorjaw aktar minn nofs il-gowls. Ix-Xlukkajri b’hekk irritornaw għar-rebħ wara li fl-aħħar jiem sofrew telfa kontra Birżebbuġa Freeport, f’dak li hu deskritt bħala konfront dirett.

Ix-Xlukkajri qatt ma kienu minn taħt fil-logħba u kien biss f’żewġ okkażjonijiet fl-ewwel sessjoni li ntlaħqu mill-avversarji. Doppjetta ta’ Sasa Misic u gowl ta’ Ryan Galea taw vantaġġ ta’ 5-2 lil Marsaxlokk.

L-unika forma ta’ reazzjoni minn Otters waslet fit-tieni sessjoni meta naqqsu d-distakk għal 7-5, madankollu tliet gowls konsekuttivi kabbru l-vantaġġ għal ħames gowls, b’Marsaxlokk jaċċertaw mit-tliet punti.

It-tielet u r-raba’ sessjoni servew biss biex Marsaxlokk ikkontrollaw il-logħba u l-aqwa skorer tagħhom Nikola Moskov sab ix-xibka sitt darbiet oħra, b’Otters jiskorjaw sporadikament.

Marsaxlokk: Mi. Farrugia, B. Zammit (2), Ma. Farrugia (1), N. Moskov (9), J. Valletta (2), M. Zammit (2), M. Aquilina (1), R. Galea (1), S. Misic (6), E. Bonnici, L. Mallia (1), S. Mifsud, A. Cook (1), G. Gatt

Otters: M. Xerri, K. Scicluna, M. Meli (1), M. Jelaca (5), I. Azzopardi, S. Dimech (1), L. Dimech (3), J. Saric (4), M. Farrugia (1), A. Dimech, M. Grech, K. Micallef, A. Bianchi (1)

Referees: Peter Balzan, Stefan Licari