Lokali Qorti

Suldat ordnat jagħti €42,059 f’kumpens lill- kollega tiegħu wara li tah daqqa b’rasu f’wiċċu

Suldat ġie ordnat jikkumpensa lil kollega tiegħu €42,059, wara li nstab responsabbli li kkaġunalu ġrieħi f’rasu meta tah daqqa b’rasu f’wiċċu.

Michael Zammit, li għandu 42 sena u li fiż-żmien tal-inċident kellu l-grad ta’ Bumbardier, fetaħ il-kawża fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra Tonio Micallef, li għandu grad ta’ Staff Sergeant.

Micallef qed jinżamm responsabbli għall-inċident li seħħ fl-1 ta’ Awwissu tal-2017, f’Ħal Luqa. Dan wara li nqala’ argument bejn iż-żewġ suldati li kienu qed ineħħu xi armi mill-post, b’Michael Zammit jgħid li Micallef tah daqqa intenzjonalment filwaqt li Micallef isostni li dan kien inċident.

Il-kawża nstemgħat quddiem l-Imħallef Toni Abela, fejn fis-sentenza tiegħu kkundanna l-fatt li f’korp dixxiplinat inqala’ dan l-inċident. Hu kompla jgħid li ra l-inkjesta interna li saret fi ħdan l-Armata, fejn kien konkluż li Micallef ta’ daqqa b’rasu lil Zammit – iżda qabel li l-attitudni ta’ Zammit wasslet biex Micallef qam u tah daqqa ta’ ras f’imnieħru.

Madanakollu, l-Imħallef ma eskludix li Micallef kien insubordinat, iżda għamilha ċara li ma kellux iwassal għall-att li wettaq.

Filwaqt li żamm lil Tonio Micallef responsabbli għall-inċident, meta ġiet biex jaħdem il-kumpens, l-Imħallef Abela qies li Michael Zammit sofra diżabbiltà ta’ 8%, u huwa għalhekk li ordna lil Micallef jagħtih kumpens ta’ €42,059.