Lokali

Tliet persuni jweġġgħu f’żewġ inċidenti separati tat-traffiku

Tliet persuni weġġgħu f’inċidenti separati tat-traffiku.

L-ewwel inċident seħħ il-Ħamis filgħaxija għall-ħabta tas-6:30 fi Triq il-Qawra, San Pawl il-Baħar.

Il-Pulizija marret fil-post u mil-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li Ingliż ta’ 63 sena, tilef il-kontroll tal-mutur li kien qiegħed isuq, tat-tip Peugeot, u waqa’. Flimkien miegħu, kien hemm ukoll Ingliża ta’ 61 sena.

It-tieni inċident seħħ għall-ħabta tad-9:30 ta’ filgħaxija, fi Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun. Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li raġel ta’ 55 sena residenti Tas-Sliema, intlaqat minn Suzuki Super Carry, li kien qed jinstaq minn raġel ta’ 72 sena residenti l-Belt Valletta.

Tim mediku mar fil-post taż-żewġ inċidenti sabiex jassisti filwaqt li ambulanza ħadet liż-żewġ Ingliżi kif ukoll lir-raġel ta’ 55 sena l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard, iż-żewġt irġiel ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi filwaqt li l-mara ġiet iċċertifikata li weġġgħet ħafif.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.