Lokali

“Għadni nħoss it-toqol tat-telfa ta’ ibni” – Isabelle Bonnici

Hija evidenti il-weġgħa ta’ omm Jean Paul Sofia, Isabelle Bonnici waqt l-intervista li saret minn Andrew Azzopardi fuq 103FM dwar il-mewt ta’ binha.

“7 xhur wara għadni nħoss it-toqol. Nipprova nderri iżda kull fejn immur, it-toqol jibqa’ hemm,” qalet Isabelle.

Isabelle Bonnici qalet li kull mewta ġġib id-dlam u għalhekk se tibqa’ tappella li toħroġ il-verità kollha biex jiġu salvati l-ħajjiet, għaliex għarfet li m’hemmx raġuni valida għalfejn qed issir din ir-reżistenza kollha mill-Prim Ministru.

“Aħna rridu nkunu nafu x’inhuma eżatt l-iżbalji għax jekk le, kif se nsolvu dawn l-iżbalji?” qalet Isabelle. “Jien għandi dritt inkun naf jekk binja tinsab fil-periklu. Ħa nerġgħu nirriskjaw biex nitilfu iktar ħajjiet?”

Isabelle Bonnici fakkret kif f’4 snin biss rajna 29 mewta f’siti ta’ kostruzzjoni u b’hekk spjegat li l-ġlieda tagħha qed issir għat-tibdil fil-kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

“In-nies qed jgħarfu fil-bżonn ta’ bidla fil-liġijiet” qalet Isabelle. “Il-poplu xeba’ mill-kliem fieragħ. Dan huwa ċ-ċans li l-poplu jingħaqqad.”

Isabelle Bonnici żvelat illi meta ċemplet u tkelmet ma’ Membri Parlamentari Laburisti qalulha li jaqblu mal-appelli tagħha biex issir Inkjesta Pubblika; iżda rrifjutaw li jivvutaw skont dak li jemmnu fih.

“Għandek raġun iżda aħna se nivvutaw bħala grupp” qalet Isabelle. “Ma kienx hemm min hu kapaċi jqum u jivvota f’dak li jemmen fih.”

Jean Paul ġie deskritt minn ommu bħala żagħżugħ li kien iħobb il-ħajja li dejjem ġab il-ferħ fost dawk li kienu jafuh.

“Ħajtek tinbidel ta’ taħt fuq,” qalet Isabelle. “Ħajtek tiġi wara l-mewt ta’ ibnek. Ma nistax nisma’ l-mużika, wara li ġara sirt nara kemm l-imħabba vera ta’ omm toħroġ is-saħħa li qatt ma kont taf li kellek.”

Isabelle Bonnici fakkret kif it-Tnejn li ġej se tkun qed issir velja mhux biss b’tifkira għall-memorja ta’ binha iżda sejħa ta’ imħabba sabiex insalvaw il-ħajjiet ta’ nies innoċenti.

Intant, l-aħbar tal-Velja ġiet kompletament injorata mill-PBS – f’mossa oħra ċara minn naħa tal-Gvern biex jipprova joħnoq il-messaġġ sinċier li qed tipprova twassal din l-omm.