Lokali

Inkjesta Pubblika u Inkjesta Maġisterjali jaħdmu id f’id

Inkjesta Pubblika u Inkjesta Maġisterjali ma jmorrux kontra xulxin iżda għandhom jaħdmu id f’id. Dan huwa fatt li ma jista’ jinnegah ħadd… iżda b’rabta  mal-każ ta’ Jean Paul Sofia, skont id-deputati tal-Labour, inkjesta Maġisterjali hija biżejjed.

Dan għaliex… dejjem skont Robert Abela u sħabu… l-Inkjesta Maġisterjali li għaddejja bħalissa u li ilha tkarkar 7 xhur se tiżvela l-istess affarijiet… u għaldaqstant  m’hemmx bżonnha.

Għall-kuntrarju ta’ dak li qiegħed jipprova juri l-Gvern ta’ Robert Abela… Inkjesta Pubblika ma’ tkunx ta’ xkiel għall-Inkjesta Maġisterjali. Dan apparti li filwaqt illi Inkjesta Maġisterjali tħares lejn ir-reponsabbiltà kriminali… Inkjesta Pubblika tħares lejn in-nuqqasijiet amministrattivi u tal-awtoritajiet pubbliċi.

Huwa tajjeb li wieħed iqis illi l-konklużjonijiet u l-evidenza li joħorġu minn Inkjesta Maġisterjali jibqgħu sigrieta… Ir-rapport u kważi l-evidenza kollha li toħroġ minn Inkjesta Pubblika ikunu kollha pubbliċi.

Is-smiegħa tal-każ permezz ta’ Inkjesta Maġisterjali ma jkunx miftuħ għall-pubbliku… iżda minn banda l-oħra, bis-saħħa ta’ Inkjesta Pubblika, is-smiegħ ikun pubbliku.

Differenza oħra li teżisti bejn Inkjesta Maġisterjali u dik Pubblika hija li ir-rapport li joħroġ minn Inkjesta Maġisterjali mhux dejjem jingħata lill-qraba tal-vittma… iżda r-rapport maħruġ minn Inkjesta Pubblika jingħata dejjem lill-qraba tal-vittma.

Dawn huma l-akbar differenzi li jeżistu bejn Inkjesta Maġisterjali u Inkjesta Pubblika… u għaldaqstant, l-argument ta’ Robert Abela u sħabu li Inkjesta Maġisterjali kapaċi tiżvela l-istess affarijiet bħal fil-każ ta’ Inkjesta pubblika ma jreġġix.

Iż-żagħżugħ Jean Paul Sofia nstab mejjet, midfun taħt it-terrapien wara tfittxija ta’ 14-il siegħa fit-3 ta’ Diċembru li għadda. U sa issa… għadu ħadd ma tressaq il-Qorti dwar dan l-inċident fejn il-bini kkollassa qisu mazz karti.