Lokali Temp

It-temperatura mistennija li tilħaq l-40 grad celcius

Hekk kif fl-aħħar ġimgħat il-Gżejjer Maltin kienu qed jesperjenzaw temperaturi għoljin issa pajjiżna matul il-ġimgħa li ġejja mistenni li jiġi milqut bl-ewwel mewġa ta’ sħana għal dan l-istaġun.

Skond it-tbassir tat-temp mill-Uffiċċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta t-Tlieta li ġej it-temperatura mistennija li tilħaq l-40 grad celcius. Għall-kumplament tal-ġranet l-ogħla temperatura se taqbeż is-37 grad celcius.

U allura dan ifisser li għal jiem li ġejjin f’pajjiżna se jkollna xemx tiżreġ b’temperaturi mill-aktar għoljin.

Iżda xorta waħda din mhux l-ogħla temperatura li qatt esperjenza pajjiżna dan għaliex l-ogħla temperatura li qatt esperjenza pajjiżna fix-xahar ta’ Lulju kienet ta’ 42.7 grad celcius fl-1988. Madankollu l-ogħla temperatura li qatt irreġistra l-Uffiċċju Meterjoloġiku kienet ta’ 43.8 gradi celcius f’Awwissu tal-1999.

Iżda din hija t-temperatura li tiġi mkejla fid-dell u għalhekk dan ifisser li t-temperaturi fix-xemx se jkunu aktar għoljin minn hekk.

Barra minn hekk, l-Indiċi UV ukoll mistennija li tkun waħda għolja hekk kif minn nhar il-Ħamis li ġej l-Indiċi UV mistennija li tkun 12.

Il-pubbliku qed jiġi mwissi sabiex fl-eqqel ħinijiet tax-xemx jevita li joħroġ barra filwaqt li għal dawk li jħobbu jmorru l-baħar huwa importanti li wieħed japplika l-krema ta’ kontra x-xemx.

Minn naħa l-oħra l-inqas temperatura għal ġimgħa li ġejja mistennija li tkun bejn 26 u 28 grad celsius.

Intant, pajjiżi oħra madwar l-Ewropa wkoll qed jesperjenzaw temperaturi mill-aktar għoljin hekk kif l-awtoritajiet Taljani ħarġu red alert f’numru ta’ bliet minħabba s-sħana esterma li qed tiddomina madwar il-penisola. Biż-żoni l-aktar f’riskju jinkludu l-kapitali Taljana u l-ibliet ta’ Firenze u Bologna fost l-oħrajn.

Apparti l-Italja, dawn il-kundizzjonijiet estremi tat-temp se jaffetwaw anke Spanja, Franza, il-Ġermanja u l-Polonja. Dan qed iwassal għal biża’ li jistgħu jiżviluppaw nirien fiż-żoni fejn hemm il-foresti…minħabba n-nixfa u s-sħana enormi li qed tiddomina.

It-temperaturi għoljin qed ikunu ikkaġunati mill-fenominu li qed jissejjaħ ‘Ċerbero’.