Lokali

“Miskina dik l-omm b’qalbha maqsuma; Bla kuxjenza”

“Miskina dik l-omm b’qalbha maqsuma tibki l-binha”
“Bla Kuxjenza”
“Malta tagħna ġibtuha diżastru”
“Ipokriti”
“Kif torqdu?”
“Prim Ministru Bla Sinsla”
“Huma jgawdu u aħna nħabblu rasna biex ngħaddu”

Dawn huma biss ftit mill-baraxx ta’ kummenti ma jispiċċaw qatt li kien hemm taħt filmati esklussivi miġbuda mill-cameras ta’ Net News fuq Facebook, hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela għażel li jħalli pajjiżna fuq il-jott tiegħu… minflok jindirizza l-kriżi kbira li qed jaffaċja hu u l-Gvern immexxi minnu.

Dan l-artiklu ġab rabja kbira fost il-Maltin hekk kif jumejn biss wara li fil-Parlament Robert Abela u sħabu ivottaw kontra l-Inkjesta Pubblika biex issir ġustizzja fil-każ ta’ Jean Paul Sofia, il-Prim Ministru ma ddejjaq xejn jaħrab bil-jott, u jħalli l-problemi warajh.

Fil-kummenti tagħhom fuq il-midja soċjali, ħafna persuni irrimarkaw illi filwaqt li Robert Abela mar għall-btala…. ħalla warajh omm li għadha qed tibki lil binha; omm li għadha qed tokrob biex tinfetaħ Inkjesta Pubblika…. wara li 7 xhur ilu tilfet lil binha ta’ 20 sena qalb it-tifrik meta ġġarfet binja f’Kordin.

Ħafna oħrajn insistew li f’dan il-mument, pajjiżna għandu bżonn Prim Ministru li juri diċenza u umanità, mhux Prim Ministru li jiġi jaqa’ u jqum minn familja mweġġa’, biex jgħatti xturu u l-ħmieġ ta’ nies li jinsabu qribu.

“Imissek Tistħi jekk taf kif”
“Waqt li Malta tibki u tiddispra, min hu indifferenti ibaħħar u jiġġustifka għemilu bl-iskuża li kienet ilha ppjanata.”
“So not human”

U filwaqt illi l-Prim Ministru ta’ pajjiżna paxxut fuq il-jott igawdi s-sajf… għandek omm, missier u familja li għadhom imbikkma u mweġġgħa bit-telfa taż-żagħżugħ li tilef ħajtu intortament waqt li kien għadu fil-fjur taż-żgħożija tiegħu.