Lokali

20 uffiċjal jassistu fit-tifi tan-nar fil-Greċja

20 uffiċjal mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħallew pajjiżna għall-Greċja sabiex jgħinu lill-awtoritajiet Griegi fit-tifi tan-nar li qed jaħkem lill-Greċja fix-xhur sajfin. Waqt li dawn il-ħaddiema se jkunu qed jassistu fil-wild fires dan se jservi ta’ taħriġ u esperjenza għal dak li nistgħu niġu bżonn f’pajjiżna.

Din l-għajnuna qed tingħata ftit tax-xhur wara li l-istess Dipartiment kien bagħat 32 uffiċjal ieħor biex jassisti fid-diżastru li ħalla t-terremot fit-Turkija.

Din hi l-ewwel darba li d-Dipartiment qed jibgħat kontinġent barra minn pajjiżna fejn qed jipprovdi assistenza ta’ tifi tan-nar.

Id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, qal li id-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma setax jibqa’ passiv u għalhekk ħassew il-ħtieġa li jilqgħu t-talba għall-għajnuna.

Membri tad-dippartiment tal-protezzjoni Ċivili spjegaw kif huma se jkun qed jgħinu lill-kollegi tagħhom Griegi fit-tifi tan-nar waqt li jkunu qed jitgħallmu huma stess iktar dwar nirien fil-foresti.

Dawn l-uffiċjali, li se jintbagħtu fil-Greċja permezz tal-mekkaniżmu Ewropew tal-Protezzjoni Ċivili, mistennija jdumu f’dan il-pajjiż sal-aħħar ta’ Lulju. Fil-fatt id-Dipartiment ħaseb għal kontinġenza fl-operat tiegħu fl-assenza ta’ dawn l-uffiċjali, b’230 uffiċjal se jibqgħu joperaw b’mod normali f’pajjiżna.

Tags