Il-Ħadd l-NGO Repubblika, organizzaw Velja għall-Verità u l-Ġustizzja quddiem il-Qorti, biex ifakkru id-69 xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Din il-velja ġiet indirizzata minn Joanna Agius, attivista ta’ Occupy Justice, Dr Martina Farrugia, attivista ta’ OccupyJustice kif ukoll minn Manuel Delia li huwa l-Uffiċjal Eżekuttiv ta’ Repubblika.
It-tliet kelliema urew id-diżżapunt tagħhom lejn il-Gvern ta’ Robert Abela wara li nhar l-Erbgħa li għadda, id-Deputati Laburisti vuttaw kontra li ssir inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia.
Huma krittikaw l-magna tal-ispin tal-Partit Laburista li bħalisa għadejja bl-insulti kontra omm Jean Paul, Isabelle Bonnici. Krittikaw ukoll il-media tal-Partit Laburista, assistiti mix-xandir tal-istat, li qed ixxerdu l idea li l-vot ta’ nhar l-Erbgha kien “vot favur il-ġustizzja”.
Qalu li dan kollu mhux sorpriża, għaliex kienet saret l-istess ħaġa lil Daphne Caruana Galizia u lill-familja tagħha. Dan peress li huma wkoll kellhom jiġġieldu għall-sentejn sħaħ biex tinfetaħ inkjesta pubblika dwar l-assassinju tagħha.

It-tliet kelliema sostnew li hija l-attitudni laxka tal-Gvern, li jgħalaq għajnejh għal kollox l-aqwa li tal-qalba qed idawru lira, li waslet għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u ta’ Jean Paul Sofia. Fejn il-weġgħa li assista għaliha l-poplu dil-ġimgħa hija l-istess weġgħa li kellha ssofri il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.
Jean Paul Sofia u Daphne Caruana Galizia kienu it-tnejn vittmi tal-ħbiberiji bejn politiċi u kriminali. It-tnejn vittmi ta’ amministrazzjoni pubblika li taħdem bħal ingwanta fuq id il-politiċi. It-tnejn vittmi ta’ rgħiba, tal-prinċipju li l-flus jiġġustifikaw kollox anke meta jinqatlu l-persuni.

Huma temmew il-velja fuq nota pożżitiva hekk kif il-membri tal-Parlament Ewropew ivvutat favur direttiva kontra is-SLAPP lawsuits. Dan huwa pass importanti fil-ġlieda sabiex ġurnalisti, attivisti u artisti jiġu protetti minn kawżi ta’ libell għal flejjes kbar, kif kien ukoll ġara lil Daphne. Din il-liġi li qed tiġi proposta tissejjah ukoll ‘Daphne’s Law’. Dan huwa legat iehor ta’ Daphne. Il-kellima urew l-apprezament tagħhom lil David Casa u lil Roberta Metsola li tant ħadmu fuq din id-direttiva.