Lokali Qorti

Akkużat li għamel ħsarat fil-faċċata tal-uffiċini tal-LESA minħabba xi kontravenzjonijiet

Raġel ta’ 29 sena residenti Bormla, qed ikun akkużat li fit-8 ta’ Lulju ta’ din is-sena, ikkawża ħsarat fil-faċċata tal-uffiċini tal-LESA fil-Fgura.

Matthew Vassallo qed ikun akkużat li kkawża ħsarat li jiswew €2,500, meta tefa’ żebgħa safra mal-faċċata tal-uffiċini tal-LESA, minħabba r-rabja li għandu lejhom fuq il-kontravenzjonijiet. Dan filwaqt li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu relatat ma’ każ separat, libes maskra biex ma jingħarafx waqt ir-reat u talli kkawża biża’ fl-uffiċjali tal-LESA.

L-Ispettur Gabriel Kitcher xehed quddiem il-Maġistrat Abigail Critien, kif Vassallo kien arrestat mill-Pulizija wara li identifikawh mis-CCTV cameras, minkejja li prova jaħbi l-identità tiegħu.

L-istess spettur oġġezzjona t-talba biex l-akkużat jingħata l-bail, dan għaliex kien diġa nstab ħati ta’ reat simili fil-konfront tal-LESA, li bħalissa qed jiġi appellat. L-akkużat ukoll qed jiġi kkunsidrat bħala s-susspettat ewlieni f’każ separat.

Madanakollu, l-avukati tad-difiża, Franco Debono u Marion Camilleri stqarrew li l-evidenza priservata u li m’hemmx il-biża li l-akkużat se jimmanipula l-evidenza.

Minkejja dan, il-Maġistrat Critien ċaħdet it-talba għal-bail, minħabba l-fatt li fadal diversi xhieda x’jidhru quddiem il-Qorti u minħabba l-gravita tal-każ.