It-taqtiegħa fil-quċċata tat-Tour bejn Pogacar u Vingegaard kompliet ilbieraħ fl-14-il stadju, li kien fost l-iktar diffiċli f’dan it-Tour.
Ir-rebħa fit-tappa tal-bieraħ finalment marret għand l-Ispanjol Carlos Rodriguez li prattikament tħalla jirbaħ mill-koppja Pogacar-Vingegaard li fl-aħħar fażi tat-tappa qagħdu iktar għal xulxin, milli fittxew ir-rebħa.
Fil-fatt dawn it-tlieta kellhom vantaġġ sostanzjali fuq il-grupp li kellu diversi inċidenti tul it-tappa.
Vingegaard żamm il-flokk isfar, u żied il-vantaġġ totali tiegħu b’sekonda waħda biss għal 10 sekondi wara li Pogacar ħarab biex kiseb it-tieni post fl-istadju. Rodriguez tela’ għat-tielet post ġenerali — 4 minuti, 43 sekonda wara Vingegaard — wara l-ewwel rebħa tiegħu fl-istadju tat-Tour.
Għexieren ta’ ċiklisti ħabtu f’liwja fi triq tiżloq u ħafna rċevew kura medika biex setgħu ikomplu u xi wħud kellhom jabbandunaw il-korsa.
It-Tour ikompli llum bil-15-il stadju ta’ 179 kilometru (111-il mil) għal Saint-Gervais Mont Blanc, tappa oħra diffiċli bi tmiem fuq il-muntanji qabel it-tieni jum ta’ mistrieħ tat-Tnejn.