Illejla fl-istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali jinżel is-siparju fuq il-kampjonat Ewropew ta’ taħt id-19-il sena tal-UEFA li għall-ewwel darb kien organizzat f’Malta.
Illejla fid-9pm il-finalissima bejn il-Portugall u l-Italjal, żewġ timijiet li se jkunu qed jiltaqgħu għat-tieni darba f’dan it-turnament peress li t-tnejn kien fl-istess grupp, grupp A, li fih kien hemm ukoll it-tim nazzjonali Malti.
Il-Portugall kienu rebħu dak il-konfront kontra l-Azzurri b’għaxar plejers bl-iktar mod konvinċenti, rebħa mpressjonanti ta’ 5-1 u b’hekk forsi jibdew bħala favoriti għall-finali tal-lejla.
Minbarra hekk il-prestazzjonijiet tal-Portugiżi kienu dejjem konvinċenti fejn anki fis-semifinali kontra n-Norveġja skorjaw ħames darbiet wara prestazzjoni oħra mill-aqwa.
Il-mixja tal-Italja lejn il-final kienet iktar imqanżħa fejn wara r-rebħa kontra Malta fid-debutt, fejn l-Italja kellha erba’ penalties favur tagħha, waslet it-telfa kontra l-Portugall u d-draw kontra l-Polonja draw li kien ifisser il-kwalifikazzjoni.
Iżda fis-semifinali kontra Spanja l-Italja tat prestazzjoni mill-aqwa fejn issorprendiet lil kulħadd u mingħajr dubju tat twissija lill-Portugall għall-finali tal-lejla.
Ilbieraħ saret konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha tkellmu l-kowċis u ż-żewġ captains.
Din il-kompetizzjoni rat il-bidu tagħha fl-1948 bħala FIFA Youth Competition u kien fl-1955 li bdiet tkun organizzata mill-UEFA. Fl-1980 inbidlet għal kompetizzjoni U-18 u kien biss fl-2002 li din il-kompetizzjoni inbidlet bħala kompetizzjoni tal-UEFA U-19.
Din se tkun it-tielet darba li dawn iż-żewġ pajjiżi jiltaqgħu fil-finali, fejn fl-2003 f’Liechtenstein l-Italja kienu għelbu lill-Portugal 2-0, filwaqt li fl-2018 fil-Finlandja l-Portugall kienu ħarġu rebbieħa 4-3 wara l-ħin barrani.
//= $special ?>