Internazzjonali

Franza: Tmut Jane Birkin…Il-kantanta-ikona famuża għall-kanzunetta “Je t’aime… moi non plus”

Il-kantanta u attriċi Britannika Jane Birkin mietet fl-età ta’ 76 sena, bil-media Franċiża tirrapporta li Birkin instabet mejta fid-dar tagħha f’Pariġi, fi tmiem il-ġimgħa.

Jane Birkin kienet famuża partikularment għall-kanzunetta “Je t’aime… moi non plus” fejn ikkollaborat mal-mużiċista Franċiż Serge Gainsbourg li miegħu kellha wkoll relazzjoni personali.

‘Je t’aime….’ tibqa’ fost l-aktar kanzunetti magħrufin għall-era li tkopri l-aħħar tas-sittinijiet u l-bidu tas-snin sebgħin, bid-dwett jitla’ sal-quċċata tal-klassifika tal-hits fir-Renju Unit minbarra li kiseb suċċess enormi madwar l-Ewropa.

Jane Birkin kienet anki ikona tal-moda bejn is-snin sittin u s-sebgħiniijiet u għalkemm twieldet Londra, hi kellha ssir famuża proprju għall-interpretazzjonijiet ta’ kanzunetti Franċiżi u bir-riżultat li hi ħadet residenza permanenti fi Franza fl-1970.

Il-karriera ta’ Birkin bħala attriċi kienet tinkludi partijiet f’films bħal Blow Up ( il-film klassiku tal-1966),Death on the Nile (1978) u Evil Under the Sun (1982).