Internazzjonali

Ikkonfermata l-wasla tal-paramilitari Wagner fil-Belarus

L-Ukrajna ikkonfermat il-wasla tal-merċinarji, tal-grupp paramilitari Russu, Wagner, fil-Belarus – taħt it-tmexxija ta’ Prigozhin. Wasla, li tista’ twassal għal-invażjoni ġdida tal-pajjiż.

Dan hekk kif, kmieni s-Sibt filgħodu, rapporti mhux konfermati stqarrew li 60 convoy tal-Wagner qasmu l-fruntiera tal-Belarus.

Il-grupp Wagner, hu magħruf għall-brutalità tiegħu fil-kampijiet tal-battalja, u li sa ġimgħat ilu kien involut sew fil-battalja għall-kontroll tal-belt Ukrena ta’ Bakhmut. Intant, dan il-grupp huwa magħruf ukoll għall-irvell fir-Russja…li kważi wassal għat-tmiem tat-tmexxija preżenti fil-Kremlin f’Ġunju li għadda.

Irvell, li ntemm bi ftehim, fejn il-grupp ingħata ċ-ċans li jaħdem id f’id mal-militar Russu jew nkella jalloka ruħu fil-Belarus.

Madanakollu, telegramm assoċjat ma’ blogger tal-oppożizzjoni ta’ Belarus, irrapporta li convoy kbir tal-Wagner daħal Belarus mir-Russja – convoy, li jinkludi pickups, lorries u buses akkumpanjati mill-Pulizija tal-pajjiż u li kienu qed isuqu lejn Lvant tal-kapital Minsk.

Intant, il-Ġimgħa, il-ministeru tad-difiża fil-Belarus qal li t-truppi tal-Wagner se jkunu qed jagħmlu taħriġ lil forzi ta’ Belarus għad-difiża tat-territorju.

Filwaqt li l-President tar-Russja, Vladmir Putin, stqarr li taħt il-liġi tar-Russi, il-grupp Wagner ma jeżistix dan hekk kif gruppi merċinarji mhux rikonoxxuti b’mod uffiċjali – fatt li għandu jiġi diskuss fil-parlament.

Skont editur tal-BBC Russu, dan juri, li Putin, qed jipprova jiżra differenza bejn il-mexxej tal-Wagner, Prigozhin u militanti regolari tal-Wagner, sabiex joħloq tensjoni bejniethom. Hija għal din ir-raġuni li l-midja Russa qed tipprova ttellef is-saħħa ta’ Prigozhin – li s’issa għadu mhux kkonfermat fejn hu allokat.