Knisja Lokali

Il-Paroċċa ta’ Marija Reġina l-Marsa se tgħaddi f’idejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta

L-Arċidjoċesi ta’ Malta u l-Provinċja Maltija tal-Ordi Franċiskana tal-Aħwa Minuri Kapuċċini għaddejjin minn proċess biex il-Provinċja tgħaddi l-paroċċa ta’ Marija Regina fil-Marsa lill-Arċidjoċesi ta’ Mata, biex b’hekk minnha jitkompla is-servizz pastorali ta’ din il-paroċċa.

Mill‑Ġimgħa, 1 ta’ Settembru 2023, il‑kura pastorali tal‑poplu t’Alla miġbur f’din il-parroċċa fil‑Marsa se taqa’ taħt ir‑responsabbiltà diretta tal‑kleru djoċesan. Monsinjur Arċisqof irringrazzja lill‑Patrijiet Kapuċċini għal tant snin ta’ ħidma pastorali f’din il‑parroċċa.

L‑Arċisqof Charles Scicluna qed jafda f’idejn Dun Anthony Fitzpatrick it-tmexxija pastorali u amministrattiva ta’ din il-parroċċa.  Il‑parroċċa ta’ Marija Reġina tiġbor fiha madwar 2,750 persuna f’900 residenza. Dun Anthony Fitzpatrick twieled fit‑28 ta’ Ottubru 1976 u ġie ordnat saċerdot f’Ġunju 2012.