Internazzjonali

Ir-Russja: Putin qed iwettaq ‘gwerra’ kontra l-Ġenerali tal-Armata tiegħu

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, qed jixpruna kampanja qalila biex ‘jaqta’ l-irjus’ tal-uffiċjali militari ewlenin suspettati dwar sehem f’kampanja biex iwaqqgħuh mill-poter jew biex ‘itellfulu l-kredibbiltà’ bħala mexxej.

Mindu l-paramilitari merċenarji tal-grupp Wagner wettqu l-kolp ta’ stat tax-xahar li għadda fir-Russja, Putin. f’għajnejn l-osservaturi barranin, qed jidher aktar bħala ‘mexxej fi stat ta’ paranoia’ u li mhu qed jafda lil ħadd madwaru.

Dan waqt li kompliet l-ispekulazzjoni li l-Kap tal-Wagner, Yevgeny Prigozhin, qed jinżamm f’eżilju ‘u fit stat ta’ priġunerija’ fil-Belarus. Madankollu, hemm anki għajdut li ritratti ta’ Prigozhin li ħarġu fi tmiem il-ġimgħa jistgħu huma finta u li hu seta’ inqatel. Dan għaliex  Putin bl-ebda mod mhu se jaħfirha lil dan l-eks alleat li l-qawwiet paramilitari tiegħu waslu qrib ħafna li jieħdu l-kontroll f’Moska — tant li l-President Russu kien kostrett li jaħrab, umiljat, mill-kapitali fejn dam nieqes għal ġranet, anki wara li l-kolp ta’ stat laħaq sfuma fix-xejn.

Qed ikun allegat ukoll li l-Ministru tad-Difiża Russu, Sergei Shoigu, qed imexxi l-kampanja ‘għal Putin’ biex jiddiskredita jew ikeċċi lil diversi kapijiet militari tar-Russja. Dan fost rapporti li talanqas tmien uffiċjali mlaħħqin spiċċaw arrestati jew sospiżi wara l-kolp ta’ stat ta’ Ġunju.

U waqt li Putin u Shoigu qed ‘jeliminaw lill-elementi ostili għalihom’ qalb l-Armata Russa, il-Ġeneral Russu Vladimir Seliverstov, fl-aħħar sigħat, spiċċa wkoll mira ta’ din il-kampanja, bir-rapporti jsostnu li hu x’aktarx li ‘jinsab sospiż jew arrestat’fuq suspett ta’ tradiment.

Seliverstov, sa ftit ilu, kien fost l-aktar Ġenerali rinomati u popolari fl-Armata Russa u fejn, fl-aħħar xhur, mexxa riġment ewlieni ta’ paratruppi fil-battalji mal-Ukreni għall-kontroll ta’ Bakhmut.

Il-każ ta’ Seliverstov hu l-aħħar wieħed relatat mal-Ġenerali ewlenin tar-Russja li qed jiffaċċjaw futur inċert ħafna minħabba li Putin għandu ossessjoni kbira biex ‘jelimina lill-allegati tradituri u golpisti’ fl-Armata  kif ukoll fl-ogħla livelli tal-Kremlin.