Lokali

Jikbru l-mistoqsijiet dwar il-konnessjonijiet ta’ Robert Abela ma’ Kurt Buhagiar, Matthew Schembri u Adriana Zammit

Robert Abela – għalkemm qiegħed idur bil-jott lussuż tiegħu fil-Mediterran – jinsab fi kriżi politika kbira wara dak li ġiegħel lid-Deputati Parlamentari Laburisti jagħmlu nhar l-Erbgħa li għadda fil-Parlament meta ordnalhom u sforzahom biex jivvutaw kontra l-Mozzjoni biex titwaqqaf Inkjesta Pubblika ħalli tistħarreġ it-traġedja ta’ Diċembru li għadda u li fiha spiċċa vittma ż-żagħżugħ Jean Paul Sofia u baqa’ mejjet tal-post wara li ntradam bil-materjal tal-bini li bħall-mazz karti ġġarraf f’tebqa t’għajn.

Robert Abela, anki jekk jipprova jilgħabha tal-cool biex jaħbi l-kriżi li jinsab fiha, jaf li issa t-tinwir intern kontra tiegħu fil-Kabinett tal-Ministri, fil-Grupp Parlamentari u anki fil-Partit Laburista se jkompli jieħu spinta akbar ‘il quddiem b’persuni influwenti qed jistaqsu b’mod permanenti spjegazzjonijiet varji, fosthom min hu tassew Kurt Buhagiar li lilu kienet ingħatat l-art biex ikun jista’ jiżviluppaha… l-istess binja li f’Diċembru li għadda ġġarrfet u qatlet lil Jean Paul Sofia; l-istess Kurt Buhagiar li fl-2009 kien ġie arrestat, investigat u mressaq il-Qorti u akkużat bi traffikar huma. X’rabta kellu u għandu dan Kurt Buhagiar ma’ Robert Abela u l-kumpanija ta’ Avukat li fiha kien involut Robert Abela.

Mistoqsijiet oħrajn li qed ikomplu jqumu fost kollegi diretti ta’ Robert Abela huma fis-sens ta’ min hu Matthew Schembri li wkoll direttament kien involut fl-investiment fil-binja li f’Diċembru li għadda ġġarrfet u qatlet lil Jean Paul Sofia. Matthew Schembri, li fuq l-applikazzjoni tal-binja inkwistjoni jidher bħala l-applikant tal-proġett u li għandu negozji oħrajn, x’konnessjonijiet għandu ma’ Robert Abela? L-istess Matthew Schembri li ftit tas-snin ilu kien arrestat, investigat u mressaq il-Qorti b’rabta mal-kiri ta’ żewġ persuni Albaniżi mqabbda biex jattakkaw l-eks mara ta’  missieru fid-dawl tax-xemx!

Qed ikunu ġġenerati wkoll mistoqsijiet fil-konfront tal-Perit Adriana Zammit li kienet isservi wkoll lil Infrastructure Malta filwaqt li kienet tmexxi negozju privat ta’ perizja tant li kienet hi l-Perit inkarigata mill-proġett li kkaġuna din id-diżgrazzja.

Fl-isfond ta’ dak kollu li seħħ fil-binja u barra l-binja tal-Parlament nhar l-Erbgħa li għadda, bla dubju ta’ xejn li Robert Abela wera mhux biss li hu raġel insensittiv, iżda qiegħed ikun deskritt ukoll minn kollegi diretti tiegħu bħala “raġel bla qalb” għaliex fi tmiem drama bħal din qatt u qatt ma messu mar il-Girgenti biex jattendi għal kunċert li ttella’ hemmhekk.

Dan hu żball ieħor kbir ta’ Robert Abela li qiegħed ikompli jibgħat messaġġi għalkollox ħżiena u li qed jikkawżaw rabja kbira fost il-poplu Malti u Għawdxi u anki fost ħafna Laburisti ġenwini. L-istess Deputati Laburisti, li aktar kmieni din il-ġimgħa kienu ordnati minn Robert Abela biex jibdew imorru jħabbtu l-bibien tan-nies u biex jiltaqgħu direttament man-nies, issa huma aktar minn qatt qabel infurjati għalih għall-fatt li filwaqt li lilhom – fl-eqqel tas-sajf u l-festi – bagħathom jiġġerrew għall-voti, hu, nhar il-Ġimgħa li għadda u bl-aktar mod insensittiv, dabbar rasu minn Malta għal dawra fil-Mediterran bil-jott lussuż tiegħu. Anqas biss kellu d-deċenza li tal-inqas joħroġ mill-Port il-Kbir bil-jott tiegħu misjuq minn xi terza persuna… le, direttament hu u quddiem kulmin rah… konferma kemm ir-raġel hu insensittiv.

Issa u aktar minn qatt qabel il-poplu hu konvint li Robert Abela għandu ħafna u ħafna x’jaħbi dwar din it-traġedja u żgur li ma kienx jidħol għal sitwazzjoni imbarazzanti u tant delikata bħal din kieku fin-nofs ta’ kollox m’hemmx interessi kbar… possibbilment rabtiet diretti jew indiretti fl-istess negozju involuta f’din it-traġedja. Għaliex tajjeb li ngħidu li Kurt Buhagiar tant għandu rasu mistrieħa li fl-isfond ta’ din it-traġedja u l-għada li kien interrogat mill-Pulizija dwara dak li seħħ – proprju l-għada – attenda festin li għalih kienu preżenti wkoll Uffiċjali Għolja tal-Partit Laburista. 

Sorsi infurmati li fis-sigħat li għaddew tkellmu ma’ Il-Mument qalulna li fit-Tmexxija tal-Partit Laburista hemm min hu mħasseb sew dwar l-affarijiet kif qed jiżviluppaw u kif qed jaħarbu minn kull kontroll sal-punt li dak li seħħ nhar l-Erbgħa jista’ jkun iċ-ċirasa fuq il-kejk għal diversi sitwazzjonijiet inaċċettabbli oħra, fosthom il-kwistjonijiet tal-għoli tal-ħajja, il-korruzzjoni, l-istituzzjonijiet ma jaħdmux u ma jiffunzjonawx, diżgwidi interni fil-Gvern u fl-istess Partit Laburista, is-serqa tat-tliet sptarijiet li għamel minn kollox biex joqtolha…

Jekk nhar l-Erbgħa li għadda kien hemm, minbarra Rosianne Cutajar li llum il-ġurnata hi Deputat Indipendenti, Deputati bħal Clyde Caruana li jinsisti li għandu proprjetà waħda biss, Clint Camilleri u Romilda Baldacchino li għal xi raġuni jew oħra ma vvutawx mal-Gvern u allura ma ċappsux idhom bid-demm ta’ dan iż-żagħżugħ… fil-verità s-sitwazzjoni qed tkompli tbaqbaq u minn mument għall-ieħor – kif wara kollox kien ġralu Alfred Sant fis-sajf tal-1998 – tista’ tiżbroffa għaliex, skont l-istess sorsi tagħna qrib Robert Abela, “kull ħaġa fiha l-limiti tagħha”.