Il-European Space Agency (ESA) qed twissi biex pajjiżi bħall-Italja, Spanja, il-Ġermanja, Franza u anki l-Polonja jieħdu l-massimu tal-prekawzjonijiet minħabba l-kundizzjonijiet ħorox ta’ heatwave ġdid u aktar qalil li għandu jassedja lill-Ewropa matul il-jiem li ġejjin.
L-ESA tuża s-satelliti għall-moniteraġġ tat-temperaturi tal-art u tal-baħar u l-esperti qed jistennew li l-Ewropa, matul din il-ġimgħa, se tgħaddi mill-agħar perjodu ta’ sħana għaż-żmien kollu li ilhom jinżammu r-rekords meteoroloġiċi.
Għaldaqstant, ma tkunx sorpriża jekk it-temperaturi ta’ dawn il-ġranet jaqbżu sew ir-rekord tas-sħana reġistrat f’Awwissu tal-2021 fi Sqallija – u fejn it-temperaturi kienu laħħqu mal-48.8 gradi Celsius.
Diversi bliet Ewropej bħal Ruma, Bologna u Firenze (fl-Italja); Pariġi, Nantes u Marsilja ( fi Franza); Madrid, Barċellona, Sivilja u Cadiz (fi Spanja) u Lisbona, Guimaraes u Estoril ( fil-Portugall) fl-aħħar jiem diġà għaddew mill-akbar mewġa tas-sħana qatt reġistrata mill-2000 ‘il hawn.
U l-kundizzjonijiet kapaċi jsiru jerġa’ agħar fost l-impatt inevitabbli għall-persuni vulnerabbli u bl-awtoritajiet tas-saħħa qed iwissu kontinwament biex in-nies jixorbu talanqas żewġ litri ilma kuljum waqt li jżommu kemm jista’ ikun ‘il bogħod mill-pjazez tal-ibliet u l-irħula li qed jispiċċaw jikwu bħall-ifran bejn nofsinar u s-sitta ta’ filgħaxija.
It-temperaturi, fil-fatt, diġà qed jirriżultaw fi sħana rekord għal pajjiżi Ewropej tal-Lvant bħall-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja u r-Rumanija.
Fl-aħħar jiem, l-Ewropa kienet qed tbati taħt il-mewġa tas-sħana mlaqqma ‘Ċerberu’ u fl-aħħar tal-ġimgħa, il-meteoroloġisti Taljani qalu li l-mewġa tas-sħana li jmiss għandha żżomm it-temperaturi f’għoli konsistenti ta’ bejn it-43 (bħala medja) u anki d-49 gradi Celsius.
Il-mewġa li jmiss ta’ sħana straordinarja, sadanittant, issemmiet ‘Charon’ għall-karattru tal-mitoloġija Griega – bl-awtoritajiet ‘il hinn mill-Ewropa, inklużi dawk fl-Istati Uniti, iċ-Ċina, l-Afrika ta’ Fuq u l-Ġappun ukoll qed jistennew għall-heatwaves storiċi għal dan iż-żmien tas-sena.
L-awtoritajiet meteoroloġiċi fl-Istati Uniti, intant, wissew dwar mewġa ta’ sħana rekord kif ukoll dwar ‘livelli ta’ sħana perikolużi għall-ħajja’, fl-ibnadi lejn il-lbiċ tal-pajjiż – bit-twissija se tibqa’ valida għall-kumplament tal-ġimgħa.
Kważi terz tal-poplu Amerikan, ikkalkulat mal-113-il miljun, bħalissa qed isegwu d-direttivi, magħrufin bħala heat advisories, fl-interessi tas-saħħa, b’dawn id-direttivi se jibqgħu effettivi fl-Istati ta’ Florida, Kalifornja u Washington.
Dan meta n-National Weather Service (NSW) tal-Istati Uniti ħeġġeġ biex in-nies ma jittraskurawx l-element ta’ periklu mis-sħana u biex huma jkomplu josservaw id-direttivi biex jevitaw il-każi fatali.
//= $special ?>