Lokali

L-għaqdiet taż-żgħażagħ u tal-istudenti b’appell favur inkjesta pubblika

Diversi għaqdiet taż-żgħażagħ u tal-istudenti ingħaqdu flimkien favur inkjesta pubblika, bl-għajta ta’ Stajt Kont Int, b’appell sabiex l-istudenti kollha jattendu l-velja Daqslikieku Kien Ibni li ser issir nhar it-Tnejn fit-8pm quddiem Kastilja.

Huma qed iħeġġu lil kulħadd sabiex jilbes l-abjad u jieħu xemgħa magħhom, sabiex ifakkru l-memorja ta’ Jean Paul Sofia.

Fost l-għaqdiet ħarġu stqarrija l-Għaqda Studenti tal-Liġi (GħSL), fejn qalu li minkejja li l-Prim Ministru m’għandux obbligu legali biex jiftaħ inkjesta pubblika, hu għandu l-obbligu legali sabiex jipproteġi u jippreserva l-ħajja u d-dinjità umana. Huma ma jistgħux jifhmu kif minkejja l-imwiet kollha fuq il-postijiet tax-xogħol, il-Gvern mhux qed jaqdi dan id-dmir tiegħu.

“L-Istat huwa obbligat illi jieħu kull pass meħtieġ biex jassigura illi s-siti ta’ kostruzzjoni u l-industrija tal-bini jkunu xierqa għas-salvagwardjar tal-ħajja u d-dinjità tal-bniedem.”

Huma komplew jgħidu li l-Gvern għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jonqsu dawn l-imwiet fuq il-postijiet tax-xogħol, u sabiex jiġu iddentifikati kull nuqqasijiet… nuqqasijiet li jistgħu jiġu ippublikati biss b’inkjesta pubblika.

“L-GħSL għandha fiduċja assoluta fl-inkjesta maġisterjali, dana ma jxxejjinx it-talba għall-inkjesta pubblika u waħda ma tippreġudikax lill-oħra.”

L-GħSL ikkonkludew billi jħeġġu lil studenti oħrajn sabiex huma wkoll jattendu l-velja ta’ nhar it-Tnejn.