Internazzjonali

L-Ingilterra: Ben Wallace jikkonferma li se jwarrab minn Segretarju tad-Difiża…

Is-Segretarju tad-Difiża Britanniku Ben Wallace se jwarrab minn dan id-dekasteru waqt ir-reshuffle li jmiss fil-Kabinett tal-Prim Ministru Rishi Sunak li mistenni għal Settembru.

Wallace hu fost l-aktar deputati popolari mal-Partit Konservattiv fil-Gvern u sa ftit jiem ilu kien anki qed jissemma bħala Segretarju-Ġenerali potenzjali tan-NATO minflok Jens Stoltenberg.

Ben Wallace ilu erba’ snin iservi bħala Segretarju tad-Difiża u kellu rwol sinifikanti fl-appoġġ militari li r-Renju Unit ilu jipprovdi lill-Ukreni mindu t-truppi tar-Russi invadew lill-Ukrajna fi Frar tal-2022. Filwaqt li sostna li mhux se jikkuntesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss, Wallace qal ukoll li mhux beħsiebu jitlaq ‘minnufih’ mill-Parlament, f’pass li bilfors irid jikkaġuna by-election.

Fl-istess ħin, Wallace qed jisħaq biċ-ċar li d-deċiżjoni tiegħu biex jitlaq mill-politika bl-ebda mod ma għandha tkun interpretata bħala waħda li tirrifletti fuq il-kapaċitajiet tal-Prim Ministru Britanniku.