Lokali

“Ma rrid li ħadd jgħaddi minn dan l-uġigħ li għaddejja minnu jien” – Isabelle Bonnici

"Ir-rgħiba għall-flus u n-nuqqas ta’ dixxiplina rrovinawli ħajti"

Jien dil-ġlieda qed nagħmilha biex ibni ma jkunx miet għalxejn… ma rrid li ħadd jgħaddi minn dan l-uġigħ. Għalhekk qed ninsti għal din l-inkjesta pubblika.”

Dan huwa kliem Isabelle Bonnici… omm Jean Paul Sofia… iż-żagħżugħ li seba’ xhur ilu ntradam taħt sit ta’ kostruzzjoni f’Kordin. S’issa seba’ xhur wara ħadd għadu ma jaf x’wassal eżatt biex sit ta’ kostruzzjoni jiġġarraf… bil-konsegwenza li nħasdet il-ħajja ta’ dan iż-żagħżugħ.

F’intervista li saritilha, Isabelle tistqarr li din il-ġlieda mhux qed tagħmilha għall-flus iżda biex fil-futur ħadd ma jerġa’ jgħaddi minn dak li għaddejja minnu hi.

Hija tkellmet dwar kemm huwa importanti li jkun hemm iktar sigurtà fis-settur tal-kostruzzjoni, fejn saħqet li inkjesta maġisterjali, għalkemm suppost se ssib min hu ħati, din waħedha mhux biżżejjed.

Tistqarr li ma tistax tifhem għala l-Prim Ministru Robert Abela qed jibqa’ jippersisti milli ssir din l-inkjesta pubblika.

Isabelle tgħid li r-rgħiba għall-flus u n-nuqqas ta’ dixxiplina rrovinawlha ħajjitha u ħajjet dak kollha li kienu jafu lil binha Jean Paul.

“Wara li l-pajjiż naqas lill-ibni, m’għandix dritt jien bħala ommu nitlob inkjesta pubblika ħalli jkolli r-risposti għall-mistoqsijiet li għandi?”

Wieħed mill-ikbar dispjaċiri li għandha hija l-mod ta’ kif ivvutaw il-membri parlamentarti tal-Gvern.

“Jien iddispjaċuta mill-membri parlamentari… jiena kont tlabt li niltaqa’ ma’ kull wieħed u waħda minnhom… l-ebda membru parlamentari ma kien lest jaffaċjani u jgħid għala ma jridx li ssir inkjesta pubblika.

Isabelle Bonnici tgħid li ċerti kummenti li saru fuq il-media soċjali weġġgħuha ferm għax kienu kummenti li ngħaddu vermanet b’mod inġust.

Hija tgħid li binha kien żagħżugħ li kien iħobb il-ħajja… b’qalb kbira li kien iħobb ħafna u mużika, il-karozzi u l-annimali.  

Għada, fit-8 ta’ filgħaxija se ssir velja quddiem Kastilja fejn Isabelle Bonnici qed tħeġġeġ sabiex kulħadd jingħaqad magħha f’għajta waħda sabiex verament isseħħ ġustizzja u ssir inkjesta pubblika.