Michael Piccinino nhar il-Ħamis li għadda kien ikkonfermat Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista b’vot qawwi mill-membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
F’kumment lil Il-Mument, Michael Piccinino rringrazzja lill-membri tal-Eżekuttiv għall-fiduċja hekk kif bil-vot qawwi tagħhom reġgħu kkonfermawh fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali għal terminu ieħor u hekk ikun jista’ jissokta għaddej bil-ħidma sfiqa li qiegħed iwettaq mhux biss biex il-PN ikompli jiġġedded u jissaħħaħ, iżda biex ikun gvern alternattiv għal pajjiżna kif jixraq lill-poplu Malti u Għawdxi li ta’ kuljum qiegħed sfortunatament jesperjenza ġrajjiet koroh ġejjin minn Robert Abela u l-Gvern tiegħu u li qegħdin jagħmlu ħsara kbira lill-istess pajjiżna.
Michael Piccinino fisser li llum il-poplu Malti u Għawdxi qiegħed jgħix sitwazzjoni mill-aktar surreali fejn il-Gvern ta’ Robert Abela qiegħed jagħmel affarijiet li litteralment ma jitwemmnux u li qatt fl-istorja ta’ pajjiżna ma seħħew qabel.
“Dan kollu jfisser li b’dak kollu li qiegħed jiġri madwarna, qatt daqs illum ma kellna r-responsabbiltà daqstant kbira li nkomplu naħdmu qatigħ u nirsistu biex inkunu Partit Nazzjonalista b’saħħtu u hekk noffru alternattiva għal pajjiżna.
“Il-poplu Malti u Għawdxi ma jixraqlux Gvern bħal ta’ Robert Abela li hu insensittiv u li jirrombla bla ebda ħniena ta’ xejn fuq dak li jkun jixtieq. Dan hu dak li qegħdin ngħixu bħalissa f’pajjiżna u hu għalhekk li l-PN se jkompli jwettaq ħafna xogħol – ħafna minnu fis-skiet u mingħajr daqq ta’ trombi – biex ikompli jissaħħaħ u jerġa’ jsir Partit Rebbieħ; rebbieħ għall-poplu kollu u rebbieħ għall-veru interessi ta’ pajjiżna.”
Mistoqsi dwar l-aħħar żviluppi dwar it-traġedja Jean Paul Sofia, Michael Piccinino qal li l-PN se jibqa’ jinsisti biex toħroġ il-verità kollha. Sfortunatament il-Partit Laburista ta’ Robert Abela qed jagħmel bil-maqlub u qed jinsisti li jaħbi l-verità! Jaħbi l-verità għaliex hekk jaqbillu.
“Imma fil-jiem li għaddew ħarġet aktar minn qatt qabel id-differenza bejn il-partiti politiċi u għalhekk qed tkompli tikber il-mistoqsija tal-poplu: “Robert Abela u sħabu lil min qed jipproteġu?”
Filwaqt li qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ kommess biex jara li toħroġ il-verità kollha u ssir ġustizzja sħiħa ma’ Jean Paul Sofia, ma’ familtu u mal-poplu kollu, Michael Piccinino wiegħed li hu jinsab ħerqan li jkompli jaħdem biex isaħħaħ lill-Partit Nazzjonalsita għaliex pajjiżna għandu bżonn tmexxija serja u nadifa.
Fil-laqgħa tal-Ħamis li għadda, il-Kumitat Eżekuttiv tal-PN eleġġa l-Uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista u Michael Piccinino kien ikkonfermat bħala Segretarju Ġenerali wara li kiseb 66 vot favur, vot kontra u astensjoni.
Il-Kumitat Eżekuttiv ivvota wkoll għall-kariga ta’ Chairman tal-istess Kumitat, fejn Joseph Grech kien ikkonfermat b’64 vot favur u erba’ voti kontra, filwaqt li Graham Bencini kien ikkonfermat bħala Chairman tal-Kunsill Amministrattiv, b’65 vot favur, żewġ voti kontra u astensjoni.
Beppe Galea sar is-Segretarju Internazzjonali l-ġdid wara li kiseb 63 vot favur u ħames voti kontra, filwaqt li Veronica Perici Calascione saret it-Teżorier il-ġdida wara li kisbet 63 vot favur, erba’ voti kontra u astensjoni.
//= $special ?>