Lokali

Raġel isofri ġrieħi gravi wara argument fil-Gżira

Libjan ta’ 29 sena residenti Ħal-Għargħur, weġġa’ gravi wara argument ma’ raġel Malti ta’ 34 sena residenti l-Gżira.

Ir-raġel Libjan qed isofri minn ġrieħi gravi wara li r-raġel l-ieħor allegatament ħebb għalih bil-flixkun tal-ħġieġ. Meta l-vittma prova jaħrab minn fuq il-post, ir-raġel l-ieħor rikeb f’karozza u segwieh sa Triq ix-Xatt, fejn allegatament saq fid-direzzjoni tal-vittma, laqtu mbagħad ħarab minn fuq il-post.

Minnufih bdiet it-tfittxija għall-allegat aggressur, fejn waqt it-tfittxija l-vettura li allegatament kienet involuta fir-reat, instabet abbandunata fl-istess akwati.

Il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei b’Ambulanza fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

Intant, l-aggressur instab ftit tal-ħin wara, fejn ġie arrestat. Huwa qed jinżamm mill-Pulizija għal aktar stħarriġ. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

L-inċident seħħ fi Triq Sir Patrick Stuart, il-Gżira, għall-ħabta ta’ 3:15am.