Lokali

“Robert Abela qed jibqa’ jdgħajjef il-possibiltà li nkunu nafu l-verità kollha” – Bernard Grech

Il-Prim Ministru Robert Abela kisser ir-ruħ soċjali ta’ dan il-pajjiż. Dan hekk kif ma’ kull ġurnata li tgħaddi… qed idgħajjef il-possibiltà li tinkixef il-verità kollha.

Kien dan il-qofol tal-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Ħadd filgħodu kien intervistat fuq Net FM.

Huwa fakkar meta fil-Parlament saret id-diskussjoni dwar l-inkjesta pubblika, fejn li kien għall-Gvern ta’ Robert Abela, din id-diskussjoni ma kinitx issir u wisq iktar ma kienx jittieħed il-vot biex issir inkejsta pubblika.

Bernard Grech fakkar kif din it-traġedja seħħet f’Diċembru tas-sena li għaddiet fejn il-Partit Nazzjonalista mal-ewwel beda jsegwi mill-qrib dak li seħħ u dejjem ta l-appoġġ tiegħu kemm lil Isabelle kif ukoll lil missier Jean Paul, John Sofia. Bl-Oppożizzjoni ma qatgħet qalbha qatt u bdiet tagħmel il-pressjoni tagħha biex Robert Abela jsejjaħ inkjesta pubblika.

Il-Kap tal-PN qal li Robert Abela qed jaġixxi b’dan il-mod għax ma jridx li jiġu investigati l-awtoritajiet. B’Abela ma jridx inkjesta pubblika għax ma jridx li tinqata’ l-linja u f’dan il-pajjiż ma jkunx hawn aktar politiċi mdaħħlin f’deals fejn jakkistaw il-flus. Min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista jrid politika onesta… fejn il-politiċi jieħdu l-aħjar deċiżjonijeit għall-pajjiż.

Huwa fakkar kif pajjiżna m’għandux pjan ekonomiku tajjeb.. għandu biss pjan li qed iwassal biex f’Malta jiġu iktar nies… bil-popolazzjoni tkompli tiżdied. U dan kollu qed iħalli l-impatt tiegħu fost l-oħrajn fuq is-sistema tas-saħħa ta’ pajjiżna u anke fuq l-ambjent ta’ madwarna.

Dwar l-għoli tal-ħajja Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista għandu proposti konkreti anke għal dan is-settur… b’mudell ekonomiku li jimmira għal xgħoljiet ta’ kwalità.

Fl-aħħar tal-intervista Bernard Grech appella lill-poplu kollu sabiex it-Tnejn filgħaxija jingħaqad quddiem Kastilja f’għajta waħda għax Jean  Paul Sofia huwa iben dan in-nazzjon.