Marketa Vondrousova saret l-ewwel mara mhux seeded li rebħet Wimbledon ilbieraħ meta wettqet rimonta f’kull set għal rebħa ta’ 6-4, 6-4 fuq il-finalista telliefa tas-sena l-oħra Ons Jabeur, biex b’hekk għat-tieni sena konsekuttiva Jabuer ħarġet telliefa fil-finali.
Iż-żagħżugħa ta’ 28 sena mit-Tuneżija hija l-unika mara Għarbija u l-unika mara tal-Afrika ta’ Fuq li waslet daqshekk f’singles fi kwalunkwe tournament tal-Grand Slam.
Vondrousova kienet wieqfa bejn April u Ottubru tas-sena l-oħra minħabba injury u spiċċat l-istaġun li għadda klassifikata fid-99 post biss.
Kienet fit-42 post meta waslet f’Wimbledon u kienet l-ewwel mara mhux seeded li saħansitra waslet għall-finali fl-All England Club f’60 sena — l-aħħar waħda tkun Billie Jean King lura fl-1963.
Jabuer ma kinitx fl-aqwa tagħha f’din il-finali fejn wettqet diversi żbalji mhux sfurzati, żbalji li għenu sew lit-tennista mir-Repubblika Ċeka tikseb dan is-suċċess ferm importanti.
Dan għen lil Vondrousova tegħleb żvantaġġi ta’ 4-2 fl-ewwel set u 3-1 u 4-3 fit-tieni.
Is-saqaf tas-Center Court ingħalaq għall-finali, u dan għen lil Vondrousova għaliex il-kolpi tagħha ma kienux imtellfa mir-riħ.
Hi stqarret wara l-logħba li tippreferi tieħu sehem f’turnaments indoors minħabba din ir-raġuni.
Marketa Vondrousova se tiċċelebra din ir-rebħa billi flimkien mal-kowċ tagħha żżid tattoo ma’ dawk li diġa’ għandha.
//= $special ?>