Lokali

“Dawk li jfasslu l-politika jeħtieġ li jaġixxu b’mod immedjat u b’mod onorevoli” – Il-Professur Andrew Azzopardi

Sfortunatament is-sitwazzjoni traġika ta' Jean Paul Sofia mhix waħda iżolata

Ġurnata oħra u sfortunatament ħadna aħbar oħra li żagħżugħ ta’ 26 sena huwa l-aħħar vittma f’sit ta’ kostruzzjoni.

Id-Dean tal-Fakultà tal-Benesseri Soċjali, il-Professur Andrew Azzopardi fi stqarrija iebsa qal li wara l-abbuż li qed issir speċjalment fl-industrija tal-kostruzzjoni… abbuż li qed iwassal għat-telf tal-ħajjiet… jeħtieġ li l-għodda kollha legali u proċedurali kif ukoll l-istrutturi f’pajjiżna jiġu mobilizzati sabiex ikun żgurat li jkun hemm sigurtà assoluta lill-ħaddiema.

Il-Professur Andrew Azzopardi qal li l-velja li se ssir illejla quddiem Kastilja, li qed tiġi organizzata minn Isabelle Bonnici hija opportunità fejn f’għajta waħda kulħadd jingħaqad kontra r-rgħiba għall-flus. Huwa qal li wara dan il-mument ta’ riflessjoni, dawk li jfasslu l-politika jeħtieġ li jaġixxu b’mod immedjat u b’mod onorevoli.